Waqt attività li ġiet organizzata mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fit-Teatru tal-Opra Aurora, il-Belt Victoria, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Novembru ngħata bidu għal programm ta’ sitt ġimgħat li se jibqa’ għaddej sas-7 ta’ Jannar 2024 b’attivitajiet għall-familja kollha biex b’hekk il-gżira Għawdxija tkun l-għażla naturali għal dan iż-żmien festiv tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Għal din is-serata bi spettaklu mill-aqwa bl-attività ‘Christmas It’s Time’ is-sala prinċipali tat-teatru Aurora kienet mimlija daqs bajda. Fost oħrajn ħadu sehem Kor Ulied il-Battista, Jolene Samham, Ruth Portelli, Pamela, Gabriella Azzopardi, John Cassar, Gabriella Azzopardi u Mark Gauci.

Fost dawk preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li qabel beda dan il-kunċert ta’ mużika festiva u kant f’atmosfera ferriħija għal familja kollha xegħel il-mixegħla tat-tiżjin tal-Milied fit-toroq ewlenin ta’ Għawdex.
