Joseph Xuereb, ta’ 63 sena, tressaq il-qorti nhar l-Erbgħa fuq akkużi li jinvolvu serq aggravat ta’ flus b’valur li jaqbeż €232 iżda ma jaqbiżx €2,329. Barra minn hekk, fl-istess data, post, ħin u ċirkostanzi, naqas milli jobdi l-kundizzjonijiet imposti fuqu minn żewġ maġistrati fl-2019 u fl-2022, relatati ma’ żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest.
Huwa wkoll reċidiv, minħabba sentenzi preċedenti fejn kien diġà nstab ħati u kkundannat għar-reati, li saru definittivi.
Il-prosekuzzjoni qalet lill-qorti li l-vittma għamel rapport lill-pulizija fid-9 ta’ Marzu, fejn stqarr li kien seħħ serq il-ġurnata ta’ qabel fil-bar tiegħu fil-Marsa. Skont l-istqarrija tiegħu, il- kaxxa tad-donazzjonijiet għall-karità b’risq Puttinu Cares kienet intmisset, u nstab li kienu neqsin xi flus.
Sid il-bar qal li kien diġà kellu suspett fuq l-akkużat, u għalhekk iddeċieda li jagħmel rapport mal-pulizija.
Ftit wara, l-akkużat ċempel lis-sid tal-bar u ammetta li kien ħa flus mill-kaxxa tad-donazzjonijiet. Il-qorti semgħet li hu qabel li jiltaqa’ mal-vittma biex jirritorna l-flus. Madankollu, għalkemm allegatament ta lura madwar €120, sid il-bar sostna li l-kaxxa kienet fiha madwar €320.
Id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest, iżda kkontestat il-fatti tal-każ. Xuereb wieġeb mhux ħati għall-akkużi.
Il-prosekuzzjoni rrifjuat it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u argumentat li l-akkużat kien kiser diversi kundizzjonijiet imposti reċedenti, kif ukoll esprimiet tħassib dwar ir-riskju tal-intralċ tal-provi.
Id-difiża, min-naħa tagħha, sostniet li l-Avukat Ġenerali ma kkontestax dawk il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arredt, u għalhekk issuġġeriet li l-akkużat, fil-fatt, kien obdihom. L-avukat staqsa wkoll dwar il-ħin tal-arrest, billi nnota li r-rapport sar aktar kmieni f’Marzu, filwaqt li l-akkużat ġie arrestat biss fil-31 ta’ Marzu. Jekk kien hemm xi biża’ dwar l-intralċ tal-provi, argumentat id-difiża, dan x’aktarx kien kieku diġà seħħ fil-ġimgħat ta’ qabel.
Dwar dan id-dewmien, il-prosekuzzjoni qalet li kellhom bżonn jiġbru xhieda oħra.
Il-qorti laqgħet it-talba tal-akkużat għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom li jattendi għal kull seduta, jiffirma l-għassa kuljum bejn it-8am u t-8pm, josserva ħin ta’ reklużar mill-8pm sas-6am, kif ukoll depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000.
Il-Maġistrat tal-Għassa Elaine Rizzo presediet il-każ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Marcea Fenech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispettur Wayne Bonello. L-avukat tad-difiża Arthur Azzopardi deher għall-akkużat.

