Monday, December 23, 2024

Jingħata l-aħħar ċans mill-Qorti wara li seraq ġiżirana

Aqra wkoll

Fil-5 ta’ April ta’ din is-sena kien daħal rapport fl-Għassa ta’ Tas-Sliema li raġel mhux mgħammad kien daħal f’ħanut tad-deheb u seraq ġiżirana tal-fidda.

Mill-investigazzjonijiet li bdew b’mod immedjat mill-pulizija ġie arrestat raġel ta’ 54 sena li fil-Qorti ammetta l-akkużi kontrih u anke li sar riċediv. Hu kien seraq affarijiet simili fis-snin li għaddew.

Kien l-Ispettur Shamus Woods li qed imexxi l-prosekuzzjoni li fil-Qorti qal li r-raġel jixtieq li jingħata l-aħħar ċans qabel ma jingħata sentenza ta’ ħabs effettivi. Hu qal li fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed jingħata residenza mill-Awtorità tad-Djar.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq staqsiet lill-akkużat għaliex kien wettaq din is-serqa. Min-naħa tiegħu qal li fil-passat kellu problemi psikjatriċi u sal-lum għadu qed ibati ħafna mis-solitudni tant li kien qed jaħseb kif jista’ wettaq suwiċidju.

Ir-raġel qal li jixtieq jirritorna l-giżirana lis-sid tal-ħanut għax kien induna li żbalja. Sostna li kieku ried f’sitt ġimgħat kien ibiegħ din il-ġiżirana u kien jagħmel il-flus minnha.

L-akkużat li ismu mhux qed jixxandar fuq ordni tal-Qorti qal quddiem il-Maġistrat li kien qed jagħmel dak kollu posibbli biex iżomm fit-triq it-tajba.

Min-naħa tagħha l-Qorti qalet li f’dan il-każ trid issib bilanċ bejn l-interessi tas-soċjetà u tal-akkużat u għalhekk ordna li r-raġel jitpoġġa fuq ordni ta’ probation għal tliet snin u rrakkomanda li jiġi appuntat psikologu u jekk hemm bżonn psikjatra.

Ekonomija

Sport