Monday, May 20, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest is-sewwieq akkużat bil-qtil involontarju f’inċident tat-traffiku fil-Mosta

Aqra wkoll

Karl Vella Petroni, ir-raġel li jinsab mixli bil-qtil involontarju ta’ żewġ persuni f’inċident tat-traffiku fi Triq ta’ Żejfa l-Mosta, għadu kemm ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li qatta’ iktar minn xahar f’kustodja preventiva. Dan ġie deċiż fl-aħħar sigħat hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-Qorti.

Vella Petroni jinsab akkużat li bil-qtil involontarju ta’ żewġt irġiel Pakistani Ali Abbas ta’ 41 sena u Faizan Muhammad ta’ 33 sena waqt li l-vittmi kienu fi triqithom għar-Rabat biex jibdew il-ġurnata tax-xogħol tagħhom. Huwa jinsab mixli wkoll li kien qiegħed isuq il-karozza tiegħu taħt l-influwenza tax-xorb u droga, li saq mingħajr polza tal-assigurazzjoni u li sar reċediv.

Faizan ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post, filwaqt li Ali tilef ħajtu aktar tard fl-Isptar fejn kien qiegħed jieħu l-kura.

F’digriet mogħti mill-Maġistrat Victor Axiak nhar it-Tlieta, Vella Petroni ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet stretti, fosthom li jkun sorveljat minn Uffiċjal tal-Probation u li jissottometti ordni ta’ trattament u testijiet tad-droga darbtejn fil-ġimgħa. Huwa ġie mitlub ukoll sabiex jiffirma kuljum fl-għassa, sabiex ma jsuq l-ebda tip ta’ vettura sakemm il-każ jiġi deċiż b’mod definittiv u li jrid josserva l-ordnijiet mogħtija lilu mill-Qorti.

Għall-imputat qegħdin jidhru l-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Godwin Scerri.

Sport