Monday, July 15, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti fuq traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 20 sena residenti l-Qawra ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, wara li tressaq il-Qorti mixli li ttraffika d-droga u kellu madwar 50 pillola u borża kokaina fil-pussess tiegħu.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Warren Galea, spjegat li l-akkużat inqabad, hekk kif il-Pulizija irċivew rapport mingħand mara li kien hemm raġel li pprova jbigħilha d-droga fi stabbiliment fi Fra Ben fil-Qawra.

Meta l-Pulizija marru fuq il-post, huma sabu lill-akkużat fl-istabbiliment, bħal ma kienet qaltilhom il-mara fir-rapport u minn tfittxija illi saret fuqu, irriżulta li kellu fuqu ammont sostanzjali ta’ droga.

Quddiem il-Maġistrat Anne Marie Thake, iż-żagħżugħ wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bid-Difiża tagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest. Kien hawn fejn il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat it-talba tad-Difiża bir-raġuni, li kien ilu diġà għal dawn l-aħħar xahrejn bil-police bail.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tad-Difiża u tal-Prosekuzzjoni, il-Maġistrat Thake tat il-ħelsien mill-arrest liż-żagħżugħ fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma fl-Għassa tal-Qawra darbtejn fil-ġimgħa u sabiex jitqiegħed taħt ordni ta’ superviżjoni.

Il-Qorti ordnatlu wkoll sabiex jiddepożita s-somma ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €9,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Warren Galea. Ryan Debono deher assistit mill-Avukat Amadeus Cachia.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport