Friday, July 19, 2024

Titqiegħed l-ewwel ġebla taċ-Ċentru għas-Sajd il-ġdid fil-Marsa

Aqra wkoll

Illum tpoġġiet l-ewwel ġebla taċ-Ċentru għas-Sajd il-ġdid fil-Marsa li malli jitlesta l-proġett se jara r-rilokazzjoni tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura. Il-binja l-ġdida se tkun mibnija fuq erba’ sulari u mgħammra b’apparat teknoloġiku sabiex taqdi l-bżonnijiet tal-industrija tas-sajd u s-sajjieda lokali. L-investiment għal dan il-proġett se jlaħħaq il-€5 miljun u huwa ppjanat li jitlesta sa tmiem is-sena 2025.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo u mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Il-Ministru Anton Refalo qal li din il-binja se twassal għal titjib fl-effiċjenza tas-servizz mogħti mid-dipartiment. “Din il-binja se jkollha teknoloġiji state-of-the-art u sistemi ta’ komunikazzjoni moderni, u se jkollha wkoll kamra fejn ser ikun qiegħed isir monitoraġġ tad-dgħajjes permezz ta’ sistemi ta’ tracking bħal VMS, GPS u Logbooks. Fuq kollox din il-binja saret ukoll b’mod strateġiku sabiex tkompli tittejjeb l-aċċessibbiltà għas-sajjieda u l-pubbliku.” Huwa temm jgħid li dan kollu juri li l-Gvern kommess li jkompli joffri l-aqwa u l-aħjar servizz lis-sajjieda Maltin u Għawdxin.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tenniet l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’dan is-settur għaliex jemmen bis-sħiħ fil-ħidma u s-servizz li joffru s-sajjieda lokali fil-komunità. “Qegħdin inħabbru proġett wara l-ieħor għaliex ngħarfu l-importanza tas-sajjieda tagħna. B’ċentru bħal dan, is-servizz mogħti mill-uffiċjali pubbliċi se jkompli jitjieb u jkun aktar effiċjenti,” kompliet tgħid is-segretarju parlamentari. Hija temmet tgħid li proġetti bħal dan jikkontribwixxu għall-pjan ta’ riġenerazzjoni fil-Marsa, b’investiment li juri biċ-ċar il-viżjoni tal-Gvern.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura Bjorn Callus qal li l-Fisheries Hub fil-Marsa ser iservi sabiex id-dipartiment ikun jista’ jaqdi dmirijietu aħjar, fejn is-sajjied ser ikun fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. “Permezz ta’ dan l-investiment, ser intejbu l-kwalità tax-xogħol u ser tiżdied l-effiċjenza, fejn flimkien ma’ investiment ieħor f’sistema ta’ informatika, inkunu nistgħu nilħqu l-għan ta’ servizz ta’ eċċellenza. Il-Fisheries Hub ser ikun strumentali sabiex jipprovdi post sigur u aċċessibbli kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-klijenti, filwaqt li hu żvilupp b’miżuri ambjentali u sostenibbli.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport