Sunday, December 22, 2024

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li attakka lill-eks-sieħba b’sikkina

Aqra wkoll

Raġel ta’ 36 sena residenti l-Imqabba ingħata l-ħelsien mill-arrest, fuq diversi kundizzjonijiet, wara li tressaq il-Qorti mixli li attakka lill-eks sieħba b’sikkina, wara li ħaseb li kienet qed taqlibhielu.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, spjegat kif il-Pulizija ftit tal-jiem ilu, din tat l-assistenza lil vittma wara argument li inqala bejnha u bejn l-akkużat.

Meta l-Pulizija tkellmu mal-vittma, din qaltilhom li meta marret tiġbor xi affarijiet mir-residenza tal-imputat, l-akkużat ħareġ sikkina għaliha u li għamilha ma’ għonqha. Hija spjegat li meta ppruva taħrab, l-akkużat allegatament għamlilha s-sikkina ma’ qaddha u pprova jwaddbilha l-ġebel.

Fil-Qorti, huwa wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, bl-avukat Arthur Azzoppardi li assista lill-vitmma jgħid li hi lesta li taħfirlu u li se twaqqaf il-proċeduri kontrih.

Fil-Qorti, il-vittma xehdet li tixtieq taħfirlu għax mhux bniedem ħażin filwaqt li qalet li għandu bżonn l-għajnuna, li tixtieq li t-tnejn ikomplu b’ħajjithom u li ma tridux l-ħabs.

Il-Prosekuzzjoni qalet li ma tistax tifhem kif wara l-allegazzjonijiet li għamlet il-vittma, meta mal-Pulizija dehret ukoll imbikkma b’dak li allegatament ġara, tgħid li tixtieq ma tkomplix bil-proċeduri.

Il-Qorti ddeferixxiet il-kawża għal nhar it-Tnejn li ġej, wara li rat dokumenti li jindikaw li l-imputat għandu żewġ armi tan-nar fil-pussess tiegħu. Il-Maġistrat Victor Axiak, li pproseda l-każ, talab lill-prosekuzzjoni biex tiżgura li dawn huma rreġistrati u possibbilment ma jibqgħux fil-pussess tiegħu sakemm tkompli tinstema’ l-kawża.

Il-Qorti laqgħet it-talba tad-Difiża għall-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li ma jagħmilx kuntatt mal-eks sieħba tiegħu filwaqt li imponiet fuqu, b’garanzija personali ta’ €20,000.

Ekonomija

Sport