Raġel ta’ 40 sena residenti ż-Żejtun ingħata l-ħelsien mill-arrest. Dan wara li tressaq il-Qorti mixli li waddab xkupa lis-sieħba tiegħu wara li din allegatament wadbittlu l-platt.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Omar Zammit spejgat li r-raġel għamel rapport lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika. Ġie spjegat li l-argument bejn l-imputat u s-sieħba seħħ fir-residenza tagħhom u li allegatament kawża tal-istess argument, il-mara spiċċat ssofri minn ġrieħi ħfief.
L-imputat wieġeb li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Kien hawn fejn l-avukat Anne Marie Cutajar li dehret għall-imputat għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti kienet infurmata wkoll li se jittieħdu wkoll passi kontra l-mara dwar dan il-każ. Id-Difiża u l-Prosekuzzjoni qablu li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma l-għassa taż-Żejtun darbtejn fil-ġimgħa. Huwa ġie ordnat ukoll sabiex jiddepożita l-ammont ta’ €500, flimkien ma’ garanzija personali ta’ €2,000.