Monday, November 11, 2024

Jingħata l-warrant lil 197 edukatur

Aqra wkoll

197 edukatur ingħataw il-warrant mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, f’ċerimonja tal-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema, li saret fil-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja, Ħal Kirkop. “Dan huwa jum speċjali għalikom u għalhekk ningħaqad ma’ dawk kollha li għamlu dan il-jum possibbli, fosthom il-letturi, il-familji tagħkom u wkoll kull wieħed u waħda minnkom, biex nifirħilkom li wasaltu fit-tragward mixtieq”, qal il-Ministru Grima meta indirizza lil dawk kollha preżenti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fl-edukazzjoni ta’ uliedna. L-għalliema huma fid-dmir li jgħinu lil kull sudent li jemmen aktar fil-ħiliet tiegħu u jkomplu jiżviluppaw mezzi li bihom it-tagħlim ikun aktar effettiv biex l-istudenti jkunu aktar kreattivi u titkattar fihom l-indipendenza tal-ħsieb u l-kapaċità li jitgħallmu weħidhom. “Il-warrant huwa xhieda li persuna tista’ teżerċita l-professjoni ta’ għalliem, ipoġġi responsabbiltà kbira fuq dawk li jirċievuh billi huma se jkunu fdati bl-edukazzjoni tal-aktar ħaġa għażiża li għandha s-soċjetà, li hija uliedna”, qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru Grima qal li l-Gvern jagħraf li s-sewwieqa tat-tagħlim li jwassal għas-suċċess ta’ wliedna huma l-edukaturi. Għalhekk l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu f’pajjiżna se jkun is-sostenn li se jingħataw l-edukaturi meta, kif tħabbar f’dan il-Budget, is-sena d-dieħla mistennija jibdew id-diskussjonijiet formali li għandhom iwasslu għal ftehim settorjali ġdid li se jibni fuq dak eżistenti. Huwa qal li fil-ġimgħat li għaddew kien hemm ħidma kbira fuq żewġ fronti, mill-Ministeru u mir-rappreżentanti tal-għalliema, li issa se tkun konsolidata bit-taħdidiet li għandhom jibdew f’Jannar.

“Dan il-ftehim se jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi, wara li l-ftehim settorjali li se jagħlaq fi tmiem din is-sena kien qabża kbira fil-kundizzjonijiet li kellhom l-edukaturi sa dak iż-żmien”, qal il-Ministru Grima. Huwa saħaq li l-Gvern huwa kommess li jkun hemm aktar titjib li jirrifletti r-responsabilitajiet li jġorru l-edukaturi. Il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li bħala Ministru jirringrazzja lill-edukaturi tas-servizz impekkabli li taw u għadhom qed jagħtu kuljum. Huwa qal li l-okkażjoni tal-lum qed tagħti rikkonixximent mhux biss għall-preparazzjoni akademika li għandhom l-edukaturi, imma għall-formazzjoni sħiħa tagħhom.

“Bħala soċjetà qed nuru l-apprezzament tagħna għal din il-vokazzjoni li għandkom”, temm jgħid il-Ministru Clifton Grima.

Sport