Sunday, December 22, 2024

Jingħataw 85 warrant fil-qasam psikosoċjali

Aqra wkoll

85 student ingħataw il-warrant sabiex ikunu jistgħu jibdew jipprattikaw professjoni fil-qasam psikosoċjali. Fil-fatt, fl-aħħar jiem ingħataw 40 warrant lill-counsellors, u 45 warrant oħra lill-istudenti li temmew b’suċċess il-kors universitarju tal-psikoterapija.

Dawn iċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni saru f’żewġ okkażjonijiet differenti, b’dawn il-warrants jiġu ppreżentati mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.

Il-Ministru Michael Falzon esprima messaġġ waħdieni fiż-żewġ ċerimonji ta’ gradwazzjoni u emfasizza l-importanza li flimkien ikomplu jaħdmu u jilqgħu għal realtajiet soċjali ġodda, li jeħtieġu direzzjoni, empatija u fuq kollox għajnuna mifruxa fuq tul ta’ żmien.

“Tul l-aħħar snin kelli ċ-ċans nesperjenza u napprezza d-dedikazzjoni tagħkom sabiex tgħinu persuna jew familja terġa’ tqum fuq saqajha wara żmien twil. Dan il-gvern jirrikonoxxi s-sehem tagħkom, u ser ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tagħkom, fejn persuna tista’ tkompli tavvanza u timraħ f’din il-professjoni”, saħaq il-Ministru Michael Falzon.

Intant, għall-ewwel darba, ingħataw 20 ċertifikat lil counselling supervisors, sabiex ikompli jissaħħaħ il-livell ta’ terapija offruta. Din it-tip ta’ superviżjoni hija forma ta’ sapport u gwida għall-counsellors u tiżgura li x-xogħol kollu jsir fi prattiċi etiċi, li jinkoraġġixxu tkabbir professjonali u aktar ħiliet fix-xogħol.

Fl-istess waqt, 45 psikoterapista ngħataw warrant, biex b’hekk ikomplu jsaħħu din il-professjoni. B’kollox issa hemm 383 psikoterapista jipprattikaw din il-professjoni.

Kien tul l-aħħar snin, li dan il-gvern irrikonoxxa dawn il-professjonijiet distinti, biex b’hekk gradwat f’dan il-kamp joħroġ b’kompetenzi ta’ prattika li tista’ tkun awtonoma, f’diversi kampijiet, mhux biss klinika jew f’dik medika, iżda ukoll fil-kuntesti edukazzjonali, soċjali u psikoloġiċi.

Ekonomija

Sport