Friday, July 26, 2024

Illiberat wara li s-sieħba ma riditx tixhed kontrih

... kien mixli li pprova jifgaha u hedded li se joqtlilha l-qtates

Aqra wkoll

Raġel li kien qed jaffaċċja akkużi kriminali talli pprova jifga lis-sieħba tiegħu u hedded li joqtlilha l-qtates kien illiberat wara li l-vittma talbet lill-Qorti biex twaqqa’ l-ilment. 

Ir-raġel ta’ 28 sena mill-Iżvezja nħeles wara li l-Maġistrat Abigail Critien aċċettat it-talba tal-vittma biex jaqa’ l-każ. 

L-inċident seħħ aktar kmieni dan ix-xahar meta l-koppja kienu qed jaraw it-televiżjoni u jixorbu flimkien fid-dar ta’ ħabib tagħhom. L-imputat kien ħa l-mobile tas-sieħba u allegatament sar aggressiv meta sar jaf li kienet qiegħda titkellem ma’ rġiel oħra. 

Ir-reazzjoni tiegħu wasslet sabiex il-ġirien isejħu għall-assistenza tal-pulizija filwaqt li sħabhom provaw jikkalmaw lill-imputat. Fil-Qorti nstema’ kif aktar tard, l-imputat mar id-dar tagħha u allegatament ipprova jifgagħha “10 darbiet”. Apparti minn hekk, huwa beda jhedded li joqtlilha l-qtates.

L-għada li seħħ dan l-allegat każ, għall-ħabta tas-7.00 a.m., il-mara kienet bagħtet messaġġ lill-Pulizija fuq Facebook biex titlob għall-għajnuna. Ir-raġel kien tressaq il-Qorti mixli b’diversi akkużi fosthom dwar vjolenza domestika. Huwa iżda lmenta li kienet is-sieħba li bdiet l-argument u li aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu. 

Fis-seduta fejn kellu jibda’ jinstema’ l-każ quddiem il-Maġistrat Critien, ix-xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni – f’dak il-każ il-vittma – iddikjarat bil-ġurament li ma riditx tixhed kontra l-imputat u riedet li jaqa’ l-każ.

Il-Maġistrat informatha li l-Qorti setgħet xorta waħda tordna li l-każ ikompli. Spjegat li f’każ li jaqa’ l-każ, l-ordni ta’ protezzjoni li kienet ħarġet il-Qorti ma jkollha l-ebda effett.

Min-naħa tagħha, il-mara qalet li fehmet ir-riperkussjonijiet tat-talba tagħha u nsistiet li ma riditx tixhed. Il-Qorti laqgħet it-talba biex jaqa’ l-każ u ddikjarat lill-imputat mhux ħati tal-akkużi u għalhekk illiberatu.

L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għar-raġel. 

Ekonomija

Sport