Monday, May 13, 2024

Jingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ġew mixlija b’serq u ksur ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti

Aqra wkoll

Żewġ żgħażagħ Bormliżi ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li ġew mixlija b’serq u ksur ta’ kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-Qorti għall-ħelsien mill-arrest. 

Gareth Chlach ta’ 23 sena u Jean Claude Fava ta’ 22 sena tressqu quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. 

Chlach waħdu kien mixli wkoll li wettaq ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor u li kiser il-paċi pubblika. Fava waħdu kien mixli li kiser il-kundizzjonijet imposti mill-Qorti f’sentenza li ngħatat f’Novembru 2020.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li nhar Sibt il-Għid, il-Pulizija rċevew telefonata li żewġt irġiel kienu mexjin fit-triq b’ċertu oġġetti. Il-Pulizija marru fuq il-post u sussegwentement ġew arrestati l-irġiel. Minn tfittxija li saret instabu diversi oġġetti inkluż ammont ta’ ramm misruq. 

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-imputat diġà ma segwewx sentenzi oħra mogħtija mill-Qorti. 

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti tagħtom il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000 kull wieħed.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Darren Buhagiar u Kurt Farrugia. L-Avukat Charmaine Cherrett dehret għall-imputati. 

Sport