Saturday, May 4, 2024

5 MESSAĠĠI ELETTORALI LILL-PL

Aqra wkoll

Bosta kienu qegħdin jistennew rebħa għall-Partit Laburista. Però, ftit kienu qed ibassru li Robert Abela kien se jirnexxilu jkabbar id-distakk biex jagħti l-akbar rebħa elettorali lill-Moviment Laburista mill-Indipendenza ’l hawn. Il-Prim Ministru rnexxielu jikseb dan kollu minkejja li ħa r-riedni tal-Gvern waqt kriżi politika bla preċedent u ggverna għal sentejn sħaħ fl-akbar kiriżi ta’ pandemija fl-istorja moderna. Ta’ statista li hu, Robert Abela jaf li mil-lum jista’ jibda jibni r-rebħa li jmiss jekk jixtarr sew il-messaġġi importanti li bagħat l-elettorat f’din l-elezzjoni. 

1… Il-Maltin jemmnu li l-Partit Laburista jista’ jkun verżjoni aħjar tiegħu nnifsu

Abela ħa t-tmexxija tal-Partit waqt li kien għaddej mill-akbar xokk politiku fl-istorja minn wara l-isplit minn ma’ Boffa. Kriżi li nawret il-kunfidenza ta’ ħafna Laburisti u ta’ oħrajn li emmnu fil-moviment li nbena madwar il-Partit Laburista. Minkejja dan, Abela wera kapaċità politika rari meta rnexxielu jżomm ħafna mit-tajjeb tal-politika li provdiet tant suċċessi lill-Partit Laburista waqt li b’mod kliniku rnexxielu jsaffi lill-Partit u lill-Gvern minn elementi li kienu wisq konnessi mad-diżappunti ta’ dak li ġara fi tmiem l-2019.

L-elettorat Malti – anke dawk li bħali kienu diżappuntati u ddispjaċuti b’dak li seħħ fl-2019 – għaraf li Abela kien lest li jieħu d-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn sabiex ir-reputazzjoni tal-moviment tiġi restawrata. Abela rnexxielu juri li l-Partit Laburista kien bil-wisq aħjar mill-azzjonijiet tal-ftit. Minn dakinhar ’l hawn il-Partit Laburista ma waqafx jiġġedded, mhux biss fl-uċuħ imma fuq kollox fil-politika tiegħu. 

F’Malta, l-ebda partit fil-Gvern ma rnexxielu jsaħħaħ l-appoġġ tan-nies wara żewġ leġiżlaturi ħlief il-Moviment Laburista wara Robert Abela. Dan seta’ jitwettaq għax fil-Partit Laburista saret ħidma wiesgħa biex il-Partit jissaffa u jirriġenera ruħu billi jilħaq l-aspirazzjonijiet li dejjem jevolvu tal-Maltin u l-Għawdxin.

Id-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru kienu akbar mid-diżappunt li ħassew ħafna min-nies. L-elettorat illum jafda f’Robert Abela u fil-premessa li l-Gvern Laburista jista’ jkompli jkun verżjoni bil-wisq aħjar tiegħu nnifsu.

2… 60,000 tbeżbiża 

L-ebda elezzjoni qabel dik ta’ din is-sena ma rat daqstant nies li preferew jibqgħu d-dar jew ma jivvutawx. F’din l-elezzjoni kien hemm id-doppju tan-nies milli kien hemm fl-elezzjoni ta’ ħames snin ilu illi preferew jagħmlu hekk. 

Huwa stmat li aktar minn tmint elef ruħ li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017, din id-darba baqgħu d-dar. Ir-raġunijiet għal dan huma bosta. Min ħass li ma nqediex fuq xi ħaġa li kellu dritt għaliha u min forsi bil-maqlub iħoss li l-politika saret wisq klijentelista u ma ħassx li kellu jkun parti minn proċess bħal dan. Il-fatt li r-‘riskju’ ta’ ritorn lejn passat Nazzjonalista kien baxx ukoll għenet sabiex bosta Laburisti li ma kinux kuntenti għalkollox li jiddeċiedu baqgħu d-dar.

Numru mdaqqas ta’ Laburisti ddeċidew ukoll li jivvutaw fl-aħħar mument – anke dawn għandhom messaġġ importanti li jrid jinstema’. Lili personalment laqtuni ammont ta’ nies tal-ġenerazzjoni tiegħi — li dejjem appoġġjaw lill-Partit Laburista anke meta kien fl-oppożizzjoni — li ħassew li kellhom jagħtu tbeżbiża lill-Partit tagħhom minħabba kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza. 

Jagħmel sew il-Partit Laburista li jisma’ dawn ir-raġunijiet, jgħarbilhom sew u jieħu d-deċiżjonijet li hemm bżonn. Jekk jagħmel dan ikun qed jiżra’ ż-żerriegħa tar-rebħa li jmiss.

3… Moviment li jrid jibqa’ jisma’ lin-nies 

L-akbar asset tal-Moviment Laburista mhuwiex il-mexxejja tiegħu imma l-istil tat-tmexxija tagħhom.  Abela mhux biss kompla jibni fuq l-idea ta’ moviment politiku li jisma’ u jindokra lin-nies, imma ħa din l-idea fuq livell ieħor.

Fid-deċiżjonijiet tiegħu Abela dejjem żamm lin-nies fiċ-ċentru. Il-pandemija u l-bilanċ li żamm bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies huwa eżempju ċar ta’ dan kollu. Meta affrontat bi kriżijiet kbar bħal dik tal-prezzijiet tal-enerġija u l-inflazzjoni wara l-pandemija ħa deċiżjonijiet akbar biex jipproteġi lin-nies. Minfuq l-oppożizzjoni għamlet l-iżball strateġiku li kritikat deċiżjonijiet bħall-għoti taċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa u ironikament baqgħet tinsisti li l-Gvern Laburista qiegħed jibgħat kontijiet tad-dawl għoljin.

In-nies jistennew li l-politiċi jkunu lesti jisimgħuhom u li jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji sabiex tissaħħaħ il-kwalità ta’ ħajjithom. Il-kapaċità ta’ Abela li jkompli jnissel fit-tim tiegħu din l-idea li kull membru tal-Gvern jibqa’ viċin in-nies, hija sors kruċjali għas-suċċessi elettorali Laburisti.

4… Saqajn ankrati mal-art

Rebħa bħal din tista’ faċilment tnissel sens ta’imbattibiltà f’numru ta’ persuni fit-tmexxija tal-Gvern u agħar minn hekk f’numru ta’ nies viċin il-ministri nfushom. Il-Partit Nazzjonalista għadda minn dan kollu b’rebħiet ħafna aktar modesti. Kellna ministri li kienu jaħsbu li ħadd ma jista’ għalihom u sal-lum membri parlamentari Nazzjonalisti għadhom jemmnu li għandhom dritt divin li jiggvernaw. 

Il-Prim Ministru għandu responsabilità kbira li jara li kulħadd jibqa’ saqajh ankrati mal-art. Ma jistax jirriskja li jkun hemm ministri li tibda tikbrilhom rashom u jrid ikollu l-kuraġġ – bħalma kellu fil-passat – li min jiżgarra jiġi ċċensurat. 

L-umiltà li jmexxi biha Abela hija eżempju għall-ministri ta’ madwaru.

5… u kmiem imxammrin 

L-elettorat appoġġja bis-sħiħ il-manifest elettorali tal-Partit Laburista. 1000 proposta msawrin fuq it-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja tan-nies. Proposti ambizzjużi dwar it-tħaddir tal-pajjiż, l-immodernizzar tal-ekonomija u t-tisħiħ tal-qasam soċjali.

Dan il-manifest issa sar programm elettorali li għandu l-potenzjal li jibdel il-ħajja tan-nies għall-aħjar u li jagħti lil uliedna pajjiż bil-wisq aħjar milli sibnieh aħna. Abela għażel il-kabinett tiegħu iżda jrid jassigura li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u li kulħadd jagħti l-100% tiegħu biex dak li ġie mwiegħed jitwettaq. Il-maġġoranza parlamentari storika m’għandhiex tkun skuża għall-kompjaċenza imma xprun biex kulhadd ixammar il-kmiem u jwettaq dmiru għall-ġid tan-nies.

Sport