Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ffirma ftehim soċjali b’finanzjament ta’ madwar €1 miljun ma’ Hospice Malta.
Kienet inizjattiva personali tal-Ministru Michael Falzon li wasslet għall-issiġillar ta’ dan il-ftehim li permezz tiegħu din l-NGO se tkun qed issaħħaħ is-sapport psikoloġiku mogħti lill-qraba ta’ dawk morda b’mard terminali filwaqt li tinvesti wkoll fil-professjonisti li jaħdmu magħhom.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan huwa l-ewwel ftehim ma’ din l-NGO u ż-żmien li sar dan il-ftehim huwa wieħed f’ħin opportun, fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19, li b’mod indirett ġabet aktar pressjonijiet fuq organizzazzjonijiet bħal dawn minħabba nuqqas ta’ donazzjonijiet u ta’ fundraising.



Il-Ministru Michael Falzon żied jgħid li l-impenn tal-ministeru qed ikompli anke f’dawn iż-żminijiet diffiċli għax nifhmu kemm sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jwasslu għal iktar pressjoni finanzjarja u emozzjonali għal kull min hu involut f’sitwazzjonijiet bħal dawn.
Hospice Malta tgħin mal-1,300 familja u tiltaqa’ ma’ madwar 60 każ ġdid kull xahar. Din l-NGO tipprovdi appoġġ lil dawk il-persuni li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ mard serju bħal kanċer, motor neuron desease, mard respiratorju, tal-fwied u kumplikazzjonijiet oħrajn.