Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal organizza serata fejn matulha tqassmu premji lill-ħaddiema li jaħdmu fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u oħrajn illi jaħdmu fis-settur pubbliku.
Il-premji tqassmu lir-rebbieħa għan-nominazzjonijiet li daħlu għal kull kategorija, lill-ħaddiema li temmew b’suċċess l-istudji tagħhom fl-2023, lill-ħaddiema li għalqu 35 sena jaħdmu fil-qasam soċjali, u lill-impjegati li rtiraw matul is-sena l-oħra.
L-għan ta’ dawn is-service awards huwa li jkun rikonoxxut l-impenn u l-isforzi eċċezzjonali tal-impjegati fil-kontribut tagħhom lejn il-benesseri tal-poplu.
Fil-kategorija Ħaddiem tas-Sena fis-Settur Pubbliku r-rebbieħ kien Saviour Grima li jmexxi “The Meeting Place”, filwaqt li fil-kategorija Ħaddiem tas-Sena fis-Servizz Pubbliku r-rebbieħa kienet Sandra Meilak.
Premju ieħor ingħata lid-Direttur fi ħdan il-Ministeru George Cremona, li matul is-sena li għaddiet, flimkien mat-tim tiegħu ħadmu primarjament fuq il-benefiċċju tal-InWork Benefit u l-benefiċċju addizzjonali tal-COLA. Il-ħidma tagħhom waslet sabiex, wara taħditiet mal-Kummissarju tat-Taxxi, ġie mniedi proċess awtomatiku fejn l-benefiċċjarji potenzjali ma kellhomx għalfejn japplikaw għall-Inwork Benefit. Dan wassal sabiex żdied in-numru ta’ households eliġibbli minn 7,000 fis-sena 2022 għal 24,000 household fis-snin ta’ wara. Fir-rigward tal-benefiċċju addizzjonali tal-COLA, matul is-sena 2023 tħallsu 45,000 familja, u din is-sena, n-numri ta’ familji qabeż id-99,000, b’investiment ta’ €34 miljun.
Premju ieħor ingħata lis–servizz tal-Community Homes, immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), li għandu l-għan li jappoġġja liż-żgħażagħ li jgħixu fi djar ibbażati fil-komunità billi jippermettilhom itejbu u jiksbu ħiliet ta’ għajxien indipendenti. B’kollox l-FSWS tmexxi 10 t’idjar fil-komunità.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon faħħar lill-ħaddiema kollha fil-qasam soċjali, u fisser in-natura ta’ dan ix-xogħol bħala waħda sensittiva u li tirrikjedi imħabba u dedikazzjoni kontinwa lejn dan ix-xogħol.
Matul is-sena 2024, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jkunu investa mat-€2.3 biljun f’benefiċċji u servizzi oħra li jaqgħu taħt il-kappa soċjali.