Wara li fil-preżentazzjoni tal-viżjoni għall-enerġija, Malta’s Energy Shift: A Sustainable Power Transition ġie mħabbar l-proġett tat-tielet interkonnessjoni (IC3), Interconnect Malta ħarġet tender għad-disinn preliminari tal-proġett.
L-għan tal-proġett huwa li jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-gżejjer Maltin billi jiddiversifika l-punt ta’ konnessjoni ta’ Malta man-netwerk Ewropew. Bħall-ewwel u t-tieni interconnectors, din l-interkonnessjoni l-ġdida se topera b’mod bi-directional. Madankollu, se tkun konnessa b’vultaġġ ogħla minn dik attwali ta’ 220kV tal-IC1 u l-IC2. Din il-konnessjoni, ta’ 380kV, se tgħaqqad direttament lil Malta mal-backbone tan-netwerk nazzjonali Taljan, u tipprovdi lil Malta aċċess aktar dirett għan-netwerk tal-elettriku Ewropew.
L-IC3 se jkun ukoll proġett innovattiv għal Malta, peress li se jkun l-ewwel interconnector li juża t-teknoloġija High-Voltage Direct Current (HVDC) għat-trasmissjoni tal-elettriku.
“Dawn il-proġetti narawhom bħala l-pedament tat-transizzjoni ta’ Malta lejn ekonomija sostenibbli. Aktar interkonnettività, permezz ta’ punt ta’ konnessjoni diversifikat, tippermetti iktar importazzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli, tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, filwaqt li tippermetti li proġetti kbar ta’ rinnovabbli offshore li qed naraw lil hinn mit-tnax-il mil nawtiku isiru realtà mingħajr ma jinħolqu problemi ta’ bilanċ fil-grid nazzjonali. Dawn il-proġetti huma wkoll konformi mal-viżjoni tal-Gvern għas-settur tal-enerġija fejn qed naraw kif dan is-settur ser ikun iktar nadif, diversifikat u affordabbli,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli.
ICM diġà ħadet passi konkreti fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett, li qed jiġi ddisinjat bħala interkonnessjoni b’kapaċità li tiġi estiża fil-futur, inizjalment topera b’200MW, bl-għażla li tespandi għal 400MW. Il-proġett, immexxi minn Interconnect Malta, ġie inkluż ukoll fil-ENTSO‑E Ten‑Year Network Development Plan 2026, li jimmarka pass importanti lejn l-akkwist tal-istatus ta’ Project of Common Interest u l-aċċess għal finanzjament mill-UE.
“Il-ħruġ ta’ dan it-tender jimmarka pass importanti ’l quddiem għat-tielet interconnector, billi ser tingħata bidu il-fażi ta’ basic engineering li jfassal l-istadju tad-disinn u tal-permessi. Il-proġett se joħloq interkonnessjoni moderna u flessibbli li tibda minn 200MW bil-possibbiltà li tkun tista’ tiżdied għal 400MW, billi tuża l-aqwa teknoloġiji disponibbli u rotot sikuri biex niżguraw affidabbiltà u effiċjenza. B’mod ġenerali, dan l-interconnector ser isaħħaħ il-provvista tal-enerġija ta’ Malta u jappoġġja l-enerġija rinnovabbli,” qal Inġ. Ismail D’Amato, Kap Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta.


