Monday, May 11, 2026

Pjan mimli ideat ġodda għall-qasam tas-saħħa

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Is-servizz tas-saħħa ta’ pajjiżna huwa wieħed b’saħħtu. Huwa mfaħħar mad-dinja. F’dan il-qasam għandna pjan mimli ideat ġodda biex inkomplu nsaħħuh, biex inti tirċievi l-aqwa servizz.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar il-proposti tal-Partit Laburista għall-qasam tas-saħħa. 

Is-servizzi tal-iscreening

Dr Abela beda biex qal li l-età tal-iscreening tas-sider u anke tat-testijiet tad-demm għall-kanċer tal-musrana se jkunu qegħdin iniżżluhom għall-persuni minn 45 sena ’l fuq. 

Huwa kompla jispjega li se jibda l-iscreening għall-kanċer tal-pulmun għal persuni li huma meqjusa bħala high risk u għall-kanċer tal-prostata fl-irġiel li jagħlqu l-55 sena. L-istess se jsir għall-persuni li jkollhom familjari bi storja ta’ kanċer tal-frixa.  

Il-Prim Ministru kompla jgħid li rridu nipprevjenu l-kanċer tal-għonq tal-utru u l-mira hi li neredikawh minn pajjiżna. Se jitqassmu self-screening swab tests u joffru l-vaċċin kontra l-HPV lin-nisa kollha taħt il-35 sena u jwessgħu l-aċċess għal din il-vaċċin għall-irġiel.

Dr Abela qal ukoll li se jinvestu wkoll f’tagħmir ieħor modern li jtejjeb l-iscreening tar-retina fost pazjenti dijabetiċi. “Biex nagħmlu dan kollu b’mod iktar effettiv l-isptar Sir Paul Boffa se jsir Ċentru Nazzjonali tal-iscreening. Il-post se jilqa’ wkoll iċ-ċentru tas-saħħa tal-Floriana u ċentru għat-tilqim li jkun miftuħ il-ġurnata kollha.”

Il-Prim Ministru ħabbar li se jkomplu jinvestu f’iktar tagħmir fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo – investiment li jassigura interventi dejjem aktar effettivi kontra l-kanċer, bl-inqas impatt possibbli fuq il-kumplament tal-ġisem. 

Huwa qal ukoll li “f’Mater Dei investejna fl-ewwel PET-CT scanner. Apparat mill-iktar preċiż u sensittiv li jnaqqas il-ħin tal-eżaminazzjoni. Se nżidu t-tieni wieħed.”

Dwar il-mediċini tal-kanċer, huwa spjega li diġà beda l-proċess biex il-Gvern jieħu responsabbiltà tal-mediċina kollha li sa ftit ilu kienu jiġu offruti mill-Community Chest Fund. Qal li dan il-proċess se jkun konkluż fil-qrib, fejn diġà tneħħa l-means testing.

Kura primarja

Il-Prim Ministru tenna li “fl-aħħar snin investejna miljuni ta’ ewro fiċ-ċentri tas-saħħa u komplejna niftħu iktar bereġ. Issa ċ-ċentri tas-saħħa ta’ Ħal Qormi,  l-Gżira  u r-Rabat Għawdex se jibdew jibqgħu miftuħa 24 kuljum.”

“Lestejna ċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid, proġett li wera l-ambizzjoni tagħna f’dan is-settur. Issa jmiss li jibda l-proġett tal-multi-modality clinic ġewwa l-Qawra. Din il-faċilità se tnaqqas il-pressjoni minn fuq iċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta u toffri servizzi ta’ radjoloġija, fiżjoterapija u occupational therapy flimkien ma’ servizzi oħra relatati mas-saħħa mentali u s-saħħa sesswali,” ħabbar il-Prim Ministru.

Huwa kompla jgħid li s-servizz ta’ saħħa pubblika se jibda jagħti continuous blood glucose monitors lill-pazjenti bid-dijabete type-2. Dan wara li lħaqna lil kull pazjent li jbati bid-dijabete type-1, dijabete tat-tqala u dijabete wara t-tneħħija tal-frixa.

Dan filwaqt li se jiġi estiż ukoll l-għoti ta’ insulin pumps lil iktar pazjenti. Dan wara li s-sena li għaddiet bdew jingħataw lil tfal u żgħażagħ sa 18-il sena. 

Tisħiħ fil-liġi tal-IVF

Il-Prim Ministru enfasizza li “rridu nsaħħu l-liġi tal-IVF biex iktar persuni jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan il-proċess f’pajjiżna. Pass ieħor hu li se nżidu n-numru ta’ ċikli li noffru b’xejn minn tlieta għal ħamsa.

“Se noffru wkoll fertility testing b’xejn lill-irġiel u n-nisa li għandhom bejn it-18 u l-25 sena. B’hekk jingħataw pariri mediċi dwar bidliet fl-istil tal-ħajja li jtejbu ċ-ċans li jsiru ġenituri. 

“Fost oħrajn se noffru genetic testing b’xejn lil dawk il-koppji li jkunu jixtiequ jkunu jafu l-kompatibbiltà ġenetika tagħhom qabel ikollhom it-tfal,” qal il-Prim Ministru.

Mard rari

Dr Abela nnota b’sodisfazzjon li llum pajjiżna għandu l-ewwel strateġika ddedikata għall-mard rari li fuqha rrimarka li jridu jibnu numru ta’ inizjattivi. Kien hawn fejn ħabbar li se jkunu qed jestendu l-lista ta’ orphan drugs għal mard rari disponibbli fuq il-formularju tal-Gvern.

L-Isptar Mater Dei

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-helpline 1400 kien pass importanti, tant li kemm ilha topera l-helpline rrikorrew għas-servizz 30,000 persuna u b’hekk ġew evitati 15,000 admission fl-emerġenza ta’ Mater Dei hekk kif ingħataw is-servizz fil-kura primarja jew fil-privat skont il-ħtieġa. 

“Dan se nkomplu nsaħħuħ,” qal il-Prim Ministru. “Fl-istess ħin li nkomplu l-investiment fil-bini. Fil-fatt tlesta x-xogħol preparatorju kollu biex nirdoppjaw id-dipartiment tal-emerġenza. It-tender tax-xogħlijiet ġie aġġudikat. Se tiġi estiża wkoll it-Taqsima tal-Kura Intensiva.”

“Se nżidu 150 sodda f’Mater Dei. Iktar minn hekk ir-rilokazzjoni tas-servizzi ta’ outpatient ’il barra mill-Isptar Mater Dei, se tiftaħ l-opportunità li noħolqu Mother and Child Unit fl-istess post. Din it-taqsima se tiġbor fiha swali tal-operazzjonijiet iddedikati għall-kura pedjatrika, NPICU akbar, delivery suite u klinika ta’ qabel it-twelid,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Is-saħħa mentali

Dr Abela enfasizza li s-saħħa mentali se tibqa’ tingħata prijorità. Qal li Gvern Laburista se jkun qiegħed isaħħaħ il-Crisis Resolution Home Treatment – servizz li jassisti persuni b’saħħa mentali f’darhom stess –  billi jkun disponibbli 24 siegħa kuljum u billi jingaġġaw iktar professjonisti. 

Għall-anzjani

Dwar ir-residenza San Vinċenz de Paul, il-Prim Ministru spjega kif ġew introdotti diversi servizzi li qed ikomplu jwasslu biex jagħtu kura aqwa u aktar fil-ħin lil ħafna Għawdxin u Maltin. Fl-istess ħin qed titnaqqas mill-pressjoni minn Mater Dei u llum persuni li jgħixu fil-komunità jinqdew ukoll ġewwa dan l-isptar.

“Din l-istrateġija se tkompli. Għalhekk se nespandu d-day Hospital bil-ftuħ ta’ aktar kliniċi, il-bini ta’ laboratorju għat-testijiet tad-demm u l-ftuħ ta’ renal dialysis ward,” ħabbar il-Prim Ministru.

Huwa fakkar ukoll li diġà ġie ppubblikat it-tender biex nibnu sptar ġdid għall-kura intermedjarja fir-Residenza San Vinċenz de Paul li jkun jesa’ 300 sodda. L-għan tiegħu hu li nappoġġjaw il-kura, l-irkupru u t-tranżizzjoni ta’ pazjenti mill-isptar għall-kura fid-dar filwaqt li jnaqqas b’mod sinifikanti l-piż minn fuq l-Isptar Mater Dei.

Dr Abela ħabbar ukoll li se jinfetaħ Medical Investigation and Treatment Unit biex flimkien mal-isptar tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo tibda tiġi offruta ċertu tip ta’ kimoterapija mir-Residenza San Vinċenz de Paule. 

Masterplan għat-tliet sptarijiet

Il-Prim Ministru tenna li fis-servizz tas-saħħa pubblika għandhom pjan sħiħ fejn ħolqa torbot ma’ oħra. Ħolqa kruċjali oħra huwa l-pjan għall-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Għal dawn it-tliet sptarijiet, qal il-Prim Ministru, tħejja masterplan ċar, ivvalidat ukoll minn esperti internazzjonali, fejn diġà beda ċertu xogħol preparatorju. 

“Apparti li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, diġà introduċejna numru ta’ servizzi li ma kinux jeżistu qabel u li minnhom qegħdin jinqdew tant persuni. 

“Bix-xogħol li se jsir fl-Isptar San Luqa se nkomplu nilliberaw spazju f’Mater Dei. Bħala waħda mill-prijoritajiet ikun hemm erba’ swali li jinbidlu f’one-stop-shop għas-servizz tal-outpatient u swali ta’ kontinġenza u faċilitajiet biex isiru operazzjonijiet kirurġiċi li ma jkunux jeħtieġu li l-pazjent idum l-Isptar iżjed minn ftit ġranet.

“Parti oħra mill-Isptar San Luqa se tiġi rinovata biex tilqa’ fiha u tiġi modernizzat id-dipartiment tal-kura tas-snien waqt li l-binja li kienet tintuża biex tipprovdi servizzi ta’ outpatients f’dan l-isptar, se tinbidel f’rehabilitation unit moderna. Minnha se jkunu jistgħu jiġu offruti servizzi ġodda ta’ fiżjoterapija u occupational therapy permezz tar-robotika,” qal il-Prim Ministru li nnota kif dan kollu huwa parti mill-istess masterplan.

Finalment, il-Prim Ministru tenna li l-qasam tas-saħħa huwa wieħed mill-għaxar dimensjonijiet tal-wellbeing index li jridu jwasslu għall-mira ewlenija li ntejbu l-wellbeing tal-poplu b’25%.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport