Sunday, May 5, 2024

Jinħarġu aktar multi dwar ksur tar-regolamenti tal-iskart

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tinsab impenjata sabiex tkompli tinforza r-regolamenti tal-iskart u r-rimi illegali. Fil-fatt f’temp ta’ jumejn inħarġu 36 multa u diversi twissijiet dwar ksur tal-liġjiet tal-iskart f’San Pawl il-Baħar, il-Gżira u Tas-Sliema.

Id-Direttriċi tal-Affarijiet Regolatorji għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Aimee Brincat qalet dan f’kumment lil dan is-sit meta mistoqsija dwar kemm inħarġu multi sa issa u dwar jekk dawn humiex se jservu ta’ deterrent sabiex jonqos l-iskart.
Brincat enfasizzat il-fatt li minbarra li żdiedu l-multi, żdiedu ukoll in-numru ta’ spezzjonjiet.

B’referenza għal ħidma li saret din il-ġimgħa hija qalet li bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, l-uffiċjal inkarigati għamlu spezzjonijiet fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, f’Ta’ Sliema u fil-Gżira u l-parti l-kbira tal-multi ingħataw ħin ħażin fil-ħruġ tal-borża tal-iskart, ħruġ ta’ borża minflok oħra u għal nuqqas ta’ qbil bejn ir-residenti u l-uffiċjali.

Id-Direttriċi Brincat spjegat ukoll kif bħalissa is-separazzjoni tal-iskart tinsab f’fażi edukattiva, fejn kull individwu għadu qed jidra kif irid iqassam il-boroż taż-żibel u x’ħin iridu jinħarġu. Żiedet tgħid li eventwalment l-iskart mandatorju se jidħol fis-seħħ minnn Ottubru li ġej.

Meta mistoqsija liema huma l-iktar lokalitajiet li fihom isiru spezzjonjiet, Aimee Brincat qalet li b’mod sistematiku qed isiru spezzjonijiet l-iktar f’żoni kummerċjali li jinkludu l-Belt Valletta, San Ġiljan, tas-Sliema u San Pawl il-Baħar u irreferiet għalihom bħala lokalitajiet kurċjali billi huma frekwentti minn ħafna turisti.

Id-Direttriċi qalet li “il-problema qegħda kif jaf kulħadd fiż-żoni l-iktar li huma turistiċi u kkaraterizzati bil-binjiet li jinkrew għal żmien qasir, fejn ikun hemm nies li jinbidlu ta’ spiss. Ma rridux ngħidu li għandna problema tal-iskart kullimkien. Iżda hemm sfida fuq l-infurzar għaliex il-multi ma jinħarġux fuq boroż taż-żibel, iżda trid taqbad lil persuna li tkun poġġiet il-borża l-ħażina jew taqbad lil persuna toħroġha fil-ħin ħażin”.

Bħal kull qasam, l-edukazzjoni hija importanti. Dwar l-edukazzjoni, id-direttriċi Brincat qalet li wieħed ma jistax itejjeb is-sitwazzjoni taż-żibel jekk ma jkollux biżżejjed għarfien.

Hija qalet ukoll li hemm diversi modi ta’ kif il-kampanja tas-seperazzjoni tal-iskart qed teduka. Dan billi tagħti twissijiet, billi tgħarraf lin-nies li jagħmlu żball u anke saħansitra toħroġ multi.

Żiedet tgħid; “Ma narax li hemm metodu wieħed ta’ kif teduka lin-nies jiġifieri primarjament kulħadd, kull entita governattiva, il-kunsill lokali, ir-reġjuni, għaqdiet mhux governattivi, entitajiet kummerċjali, kulħadd irid isegwi bl-eżempju tiegħu.

Meta mistoqsija dwar jekk tħossx li hawn problema fejn jidħol l-iskart, Aimee Brincat qalet li l-problema tal-iskart mhijiex problema tal-Gvern, mhijiex problema tal-ERA, mhijiex problema tar-reġjun, mhjiex problema ta’ xi ħadd wieħed waħdu iżda hija problema kollettiva ta’ kull individwu fis-soċjetá.

Qalet ukoll li wieħed ma jistax jippretendi li entita se jsolvi problema mingħajr ma jsir sforz fuq livell individwali u personali.

Hija temmet tgħid li bħala poplu rridu nirrealizzaw li jekk maħniex se nisseparaw l-iskart, jekk maħniex se nsegwu l-iskeda tal-iskart u jekk mhux se nagħmlu ħilitna biex innaqsu l-boroż s-suwed, se tinħoloq problema kbira.

Għal aktar informazzjoni fuq kif wieħed irid jisseppara l-iskart u dwar l-iskeda tal-ħinijiet, wieħed jista jara is-sit; https://www.wastecollection.mt/

Sport