Tuesday, December 24, 2024

Jinħatar bord ġdid tal-Public Broadcasting Services

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-gvern qed iħabbar il-ħatra ta’ bord ġdid tal-Public Broadcasting Services (PBS). Dan sar waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fit-2 ta’ Settembru 2020. Dan il-bord se jkun kompost minn chairperson, flimkien ma’ tmien persuni oħra li għandhom ħiliet u kompetenzi differenti. Dan qed isir l-għada li ġie ffirmat ftehim bejn il-gvern u l-PBS dwar il-kontribut finanzjarju tal-gvern għall-ħames snin li ġejjin, b’medja ta’ kważi €6 miljun fis-sena.

Fi kliem il-Ministru Carmelo Abela, lifost l-oħrajn huwa responsabbli mix-xandir nazzjonali, dan il-bord se jwettaq ir-riforma meħtieġa ħalli l-istazzjon nazzjonali jkompli jtejjeb il-kwalità u jservi l-interess pubbliku billi jipprovdi kontenut tal-ogħla kwalità permezz ta’ proġetti ġodda li fiż-żmien li ġej għandhom isaħħu l-pjattaformi kollha ta’ TVM. Dan biex joffru xandir nazzjonali denju u li n-nies ifittxu għal produzzjonijiet ta’ livell li jkunu disponibbli wkoll fuq teknoloġiji emerġenti.

Fl-istess waqt, se jħares li jimmodernizza l-PBS minn kull aspett, inkluż fl-istruttura tal-istess kumpanija.

Il-bord se jkun magħmul minn dawn il-persuni;

Chairperson – Profs Carmen Sammut

Diretturi – Dr Maria Brown, is-Sur Ray Calleja, is-Sur Jeremy Camilleri, is-Sur Engelbert Grech, is-Sur Albert Marshall, Dr Marthese Portelli, is-Sur Oliver Scicluna u Ms Adriana Zarb Adami.

Il-Ministru Carmelo Abela, filwaqt li awgura ħafna ħidma lill-bord il-ġdid b’risq ix-xandir f’pajjiżna, irringrazzja liċ-chairperson preċedenti Dott. Tonio Portughese għas-servizz li ta b’risq ix-xandir f’pajjiżna għal dawn l-aħħar seba’ snin.  Irringrazzja wkoll lid-Diretturi kollha li servew taħt il-gwida ta’ Dott. Portughese, fosthom lis-Sur Tony Cassar Darien u lil Dr Edward Cassar Delia li baqgħu f’dan il-bord sal-aħħar ġurnata.

Il-Ministru Abela jinsab konvint li bil-ħidma ta’ kulħadd, l-istazzjonijiet nazzjonali se jagħmlu l-bidliet meħtieġa biex jagħmlu qabża oħra fil-kwalità f’qasam li dejjem qiegħed isir aktar kompetittiv u fejn l-udjenzi dejjem qegħdin ikollhom għażliet differenti u varjati.

Ninsabu impenjati li l-istazzjonijiet nazzjonali jkomplu jtejbu l-professjonalità u jagħtu spazju għall-kreattività, għall-ideat ġodda u inovattivi. Fl-istess waqt, il-PBS se jibqa’ kommess li jagħti vuċi lill-faxex kollha tas-soċjetà bl-għan li l-kontenut fuq l-istazzjonijiet nazzjonali jirrifletti l-pluraliżmu tas-soċjetà tagħna.

L-isfida hija waħda kbira, iżda bil-koperazzjoni ta’ kulħadd, kemm dawk li huma impjegati mal-PBS, il-General Workers Union li tirrappreżenthom u dawk kollha li jipprovdu servizzi u programmi lill-PBS, inkunu nistgħu nwettqu proġett li jkun ta’ benefiċċju għall-konsumatur Malti u x-xandir nazzjonali f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport