Friday, November 29, 2024

Jinħatar grupp ċentrali għall-kordinament tal-istrateġija nazzjonali għal wara l-COVID-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru Owen Bonnici ħatar grupp ċentrali li se jieħu ħsieb jikkordina l-ħidma għall-istrateġija nazzjonali għal wara l-COVID-19.

Il-grupp se jitmexxa mill-Professur Simone Borg bħala chairperson. Il-Prof. Borg gradwat bħala avukat u kompliet l-istudji tagħha b’Ph.D fil-Konservazzjoni tar-Riżorsi Naturali tal-Ibħra. Ħadmet taħt amministrazzjonijiet differenti fil-kamp tal-affarijiet barranin u tal-ambjent u kkontribwixxiet f’diversi proġetti ta’ riċerka fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Ġnus Magħquda. Il-Prof. Borg hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Ambjentali u tar-Riżorsi fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u ħadmet ma’ diversi universitajiet barranin. Hija wkoll id-direttur tal-Programm Internazzjonali (Master of Arts) fl-Iggvernar tal-Oċeani u fellow tal-Istitut tas-Sostenibbiltà fi Bruges. Isservi wkoll bħala membru tat-team ta’ esperti tal-Unjoni Ewropea għal Horizon 2020.  

Il-grupp se jkollu wkoll lil dawn il-persuni bħala membri: Is-Sinjura Joyce Dimech, Is-Sur Mario Galea, is-Sur Godwin Mifsud, is-Sur James Pearsall, il-Professur Gordon Sammut, is-Sur Clive Tonna u s-Sur Paul Zahra. Dan il-grupp se jkollu l-faċilità li jinkariga esperti tekniċi fl-oqsma li jidhirlu xieraq biex jassistuh f’dan l-inkarigu.

Il-Ministru Bonnici qal li l-grupp ċentrali huwa magħmul minn nies b’kompetenzi wiesgħa u rringrazzjahom talli aċċettaw li jidħlu għal dan l-inkarigu u għal din ir-responsabbiltà. 

Malli bdiet tiżviluppa l-pandemija, il-gvern aġixxa b’mod spedit u deċiżiv biex, filwaqt li jħares is-saħħa tan-nies, jissalvagwardja wkoll l-ekonomija Maltija. Huwa kruċjali li tiġi koordinata u implimentata strateġija soda u ambizzjuża għal wara l-pandemija li tkun xprun biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem f’dinja ġdida u mibdula.

Din il-bidla toffri l-potenzjal  biex pajjiżna joħroġ iktar b’saħħtu minn qatt qabel billi nkunu innovattivi u ndawru l-isfidi f’opportunitajiet.

Il-grupp ċentrali se jkun gwidat mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-ħarsien fit-tul, l-immassimizzar tal-fatturi li jagħtu vantaġġi kompetittivi lil pajjiżna, it-tisħiħ tar-reżiljenza u, fuq kollox, it-tkabbir tal-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali.

F’dan l-inkarigu, il-grupp se jkun qed iġib flimkien l-istrateġiji li tfasslu li jew jinsabu fil-proċess li jitfasslu, fl-entitajiet jew fil-ministeri li jimpinġu fuq l-irkupru u r-reżiljenza ta’ wara l-COVID-19 u se jkun qed ifassal strateġija ħolistika għal wara l-Covid-19, anke bi studji fuq strateġiji simili f’pajjiżi oħra.

Waqt li l-mira hi li din il-ħidma tissokta u tiġi aġġornata b’mod kontinwu, il-grupp ċentrali ngħata direzzjoni li jippreżenta din l-istrateġija mhux iktar tard minn tmiem it-tieni kwart ta’ din is-sena.

Sport