Friday, December 13, 2024

Il-kisbiet ta’ Malta Libraries u l-viżjoni għall-2021

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul l-2020, Malta Libraries kellha tadatta l-modus operandi tagħha għas-sitwazzjoni bla preċedent li żviluppat, u s-servizzi offruti lir-riċerkaturi permezz tal-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta kif ukoll is-servizz tan-Network tal-Libreriji Pubbliċi madwar Malta u Għawdex kellhom jgħaddu minn reviżjoni estensiva. Malta Libraries sabet modi alternattivi biex tilħaq lil min juża s-servizzi tagħha u għalkemm l-użu fiżiku fil-libreriji naqas ferm, l-utenti virtwali żdiedu b’mod esponenzjali u l-interazzjoni onlajn kienet bla waqfien.

Bħala parti mill-għan ta’ Malta Libraries li tipproġetta l-Bibljoteka Nazzjonali bħala ċentru ta’ għarfien u tagħlim, fl-2018 kien ġie deċiż li l-binja maestuża tagħha tibda tintuża biex fiha kull sena jiġu organizzati bla ħlas, serje ta’ lekċers ibbażati fuq tema partikulari. Is-serje ta’ lekċers għas-sena 2019-2020, intitolata ‘Power, Costume, Scenography: Making Fashion a Statement in 18th-19th century Malta’, kellha titwaqqaf f’Marzu tas-sena 2020 minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Bħala alternattiva l-lekċers bdew jiġu offruti fil-format ta’ dokumentarji mtella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Bibljoteka Nazzjonali u fuq il-YouTube Channel ta’ Malta Libraries, u hekk it-tagħrif twassal u nxtered għand il-pubbliku mingħajr ħlas ukoll. Din l-inizjattiva kienet suċċess kbir u hu maħsub li dawn id-dokumentarji jibqgħu jiġu prodotti bil-kooperazzjoni ġentili tal-akkademiċi u l-esperti, b’tama li fi żmien qasir dawn ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jagħtu l-lekċers tagħhom quddiem il-pubbliku.

Matul il-lockdown bejn Marzu u Mejju tal-2020 kawża tal-pandemija, is-Sala Ewlenija għall-Qari u r-Riċerka fil-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta kompliet topera virtwalment ukoll. F’dan il-perjodu daħlu b’mod konsistenti talbiet għal ritratti diġitali mis-sorsi primarji u sekondarji tal-Librerija u kien biss fil-każ ta’ talbiet li kienu jeħtieġu riċerka estensiva, li l-klijenti ġew avżati biex imorru l-librerija personalment skont appuntamenti individwali li ngħataw dejjem fit-tħaris tar-regoli tas-saħħa. Il-Bibljoteka Nazzjonali rċeviet tifħir u bosta kummenti pożittivi għas-servizz eċċellenti u fil-pront li pprovdiet matul dak il-perjodu, minkejja l-ħafna limitazzjonijiet li l-pandemija ġabet magħħa. Sal-lum, is-Sala Ewlenija għall-Qari u r-Riċerka fil-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, hi miftuħa għall-klijenti b’appuntament biss. Fi kwalunkwe ħin partikolari fiha jista’ jkun hemm massimu ta’ sitt patruni biss. L-appuntamenti jittieħdu mill-impjegati li jagħtu servizz f’din is-Sala permezz tat-telefown jew bl-imejl u l-materjal mitlub jitħejja qabel iż-żjara tar-riċerkatur. Din is-sistema ffaċilitat il-proċess ta’ riċerka u assigurat servizz bla xkiel.

Iż-żieda fl-użu tal-eBooks fl-2020 hija prova li l-pjattaformi online qed isiru aktar popolari minn qatt qabel. Fil-fatt ġiet irreġistrata żieda ta ‘aktar minn 200% fiċ-ċirkolazzjoni tal-eBooks fuq l-2019. Biex tilqa’ din id-domanda, sar investiment ta’ kważi €42,000 f’materjal diġitali fin-Network tal-Libreriji Pubbliċi. Dan jindirizza ż-żieda fid-domanda. Fl-2021 Malta Libraries hi impenjata li tesplora l-potenzjal li tintroduċi wkoll eBooks Maltin fil-pjattaformi bla ħlas tagħha.

Sal-lum, Malta Libraries mexxiet programmi varji ta’ avvenimenti fil-libreriji biex tinkoraġġixxi nies ta’ kulturi u sfondi differenti jiltaqgħu, jitgħallmu u jaqsmu bejniethom. Għal dawn l-avvenimenti kien hemm reazzjoni mill-aktar pożittiva u ġew attirati udjenzi ġodda. Barra minn hekk, fil-Librerija Pubblika Ċentrali issa hemm kollezzjoni multilingwi biex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-litteriżmu ta’ komunitajiet varji. Madankollu, minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija, Malta Libraries qed tieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, u qed tfittex modi alternattivi biex tilħaq lill-utenti. Proġett pilota ġdid mibdi fl-2020 u li se jitnieda fl-2021, huwa serje ta’ Workshops ta’ Kitba Onlajn; bil-għan li tiġi introdotta esperjenza diġitali aktar dinamika u interattiva fuq il-pjattaformi ta’ Malta Libraries. Din l-attività attraenti se timmira gruppi ta’ etajiet differenti fejn l-utenti jistgħu jikkollaboraw u jtejbu l-kitba/ħsieb kreattiv tagħhom billi jużaw il-libreriji bħala s-sors ewlieni tal-ispirazzjoni tagħhom.

Malta Libraries hi konxja tar-rwol essenzjali tagħha biex ittejjeb l-istat ta’ kuntentizza tal-popolazzjoni anzjana f’pajjiżna u bħala parti mill-impenn tagħha li twessa’ ħidmietha lil hinn mil-librerija fiżika, u b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fis-snin li għaddew, ta’ kull ġimgħa organizzat sessjonijiet ta’ qari interattiv fi djar residenzjali għall-anzjani. Minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19, dawn is-sessjonijiet bdew isiru onlajn ma’ djar oħra fl-istess ħin, u fl-2021 se jkomplu jsiru b’dan il-format. Barra minn hekk, dawn is-sessjonijiet se jiġu supplimentati bit-twaqqif ta’ għaxar libreriji ġodda fuq il-post biex jiġi żgurat li l-membri f’dawn id-djar ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi tal-librerija.

Hu importanti dejjem li Malta Libraries tlaħħaq mad-domanda tal-utenti tagħha. Għalhekk proġett ġdid maħsub għall-2021, huwa l-ħolqien ta’ app tal-mobile biex permezz tiegħu tiffaċilita l-aċċess tal-utenti għall-katalgi u l-portal tal-kotba tagħha. Il-viżjoni ta’ Malta Libraries hi li tkompli tfittex modi kif tuża t-teknoloġija biex tiffaċilita s-servizzi u żżid l-effiċjenza, kif ukoll biex toffri aktar opportunitajiet għal aċċess għal teknoloġija ġdida.

Ekonomija

Sport