Saturday, December 21, 2024

Jinħatru 17-il Spettur u 64 Surġent tal-Pulizija 

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret it-Tnejn li għadda fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, 81 uffiċjal ġew ippreżentati biċ-ċertifikati tal-ħatra fil-grad ta’ Spetturi u Surġenti. B’kollox inħatru bħala spetturi 16-il raġel u mara. Erbgħa mill-uffiċjali li laħqu Spetturi ħadu wkoll il-ġurament bħala membri ġodda tal-Korp tal-Pulizija. Wara din il-ħatra, l-Ispetturi se jattendu kors ta’ sentejn fl-Università ta’ Malta. 

Min-naħa l-oħra, inħatru 49 raġel u 15-il mara bħala Surġenti tal-Pulizija. Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà. Fil-messaġġ tiegħu lis-Surġenti l-ġodda, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurta, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Dr Byron Camilleri qal li permezz tal-bidla li qed issir fil-Korp tal-Pulizija, il-Korp qed ikun aktar effettiv mal-pubbliku. 

Dan jidher fiż-żieda tal-fiduċja tal-pubbliku fl-istess Korp, l-akbar żieda sa minn meta bdiet tinġabar l-istatistika. “Mhux se nittolera qatt il-ftit iħammġu x-xogħol tajjeb tal-ħafna. Fikom nara persuni li ta’ kuljum jaħdmu biex jipproteġu lis-soċjetà. Araw li f’dak li tagħmlu żżommu dan kollu f’moħħkom u f’qalbkom,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, qal lill-Ispetturi u lis-Surġenti l-ġodda li huma s-sinsla tal-Korp tal-Pulizija u għandhom rwol importanti fejn tidħol ir-responsabbilità u lkontabbilità. Huwa ħeġġiġhom sabiex fil-mument opportun jieħdu d-deċizzjonijiet għal ġid talKorp tal-Pulizija. 

Il-Kummissarju, waqt li fakkar fir-rapport tal-Ewrobarometru fejn dan wera l-ogħla rata ta’ fiduċja li l-poplu għandu fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin, qal li fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena naqset ukoll ir-rata tal-kriminalità. Qal li l-poplu qiegħed jafda lill-Pulizija sabiex jassiguraw ambjent sikur.

Ekonomija

Sport