Sunday, December 22, 2024

Jinħatru 18-il Spettur tal-Pulizija 

Aqra wkoll

F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana, 18-il uffiċjal ġew ippreżentati biċ-ċertifikati tal-ħatra fil-grad ta’ Spettur tal-Pulizija. Tlieta mill-uffiċjali li laħqu Spetturi ħadu wkoll il-ġurament bħala membri ġodda tal-Korp tal-Pulizija, hekk kif ser jibdew iservu fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għall-ewwel darba. 

Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, Sigurtà, Riformi u l-Ugwaljanza, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà. 

Il-Ministru Byron Camilleri, waqt li awgura lill-Ispetturi ġodda għal dan il-kapitlu ġdid fil-karriera tagħhom, appellalhom sabiex ikunu ta’ eżempju għal dawk l-uffiċjali li huma ser ikunu qed imexxu, għax b’għemilhom se jkunu qed jixprunaw u jimmotivaw lil dawk fir-rankijiet l-isfel minnhom. 

“Biex tħossu l-polz tal-komunità tridu tkunu fost il-komunità. B’hekk tikber il-fiduċja fikom u fin-nies li se tmexxu u b’hekk jinżammu r-relazzjonijiet tajba mal-komunità. Dan stajna narawh fl-aħħar snin, meta l-korp iddeċieda jersaq aktar fil-qalba tal-komunità, żdiedet il-fiduċja fih,” qal il-Ministru Camilleri. 

Il-Ministru Camilleri fakkar kif il-gvern huwa u se jibqa’ rikonoxxenti tal-ħidma li l-pulizija, bħala parti mill-korpi dixxiplinati, jagħmlu b’rizq is-soċjetà u n-nazzjon. Tenna kif xhieda ta’ dan ir-rikonoxximent huma l-miżuri li l-gvern ħabbar fl-aħħar ġimgħat, fosthom iż-żieda ta’ 23% fil-pensjoni għal minn diġà għamel jew beħsiebu jagħmel 29 sens servizz, kif ukoll inċentiv ieħor ta’ sentejn paga, għal min jagħmel erba’ snin servizz addizzjonali fuq id-29 sena servizz. 

Il-Ministru Camilleri għamel referenza wkoll għall-estensjoni tal-pensjoni tas-servizz lir-romol ta’ uffiċjali ta’ Korpi Dixxiplinati li jkunu ġew nieqsa jew qabel jagħlqu l-25 sena servizz jew fiż-żmien ta’ bejn l-għeluq tas-servizz u l-età tal-irtirar. 

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, qal lill-Ispetturi l-ġodda li permezz ta’ din il-kariga ġdida huma għażlu karriera sabiex javvanzaw fil-professjoni tagħhom. Huwa ħeġġiġhom biex biex jieħu d-deżizzjonijiet għal ġid tal-Korp tal-Pulizija u għas-soċjetà. 

“Dan huwa l-mument tal-prova tagħkom. Kunu ta’ ispirazzjoni u motivazzjoni lejn il-kollegi tagħkom. Ġibu lill-klijenti l-ewwel u qabel kollox. Kunu empatiċi mal-vittmi. Dawn kollha għandhom jitpoġġew fiċ-ċentru tal-operat tagħkom u kunu kontabbli, ġusti, onesti, integri u ta’ servizz lejn il-poplu”, qal il-Kummissarju Gafà. 

Il-Kummissarju Gafà awgura lit-tliet uffiċjali li bdew il-ħidma tagħhom għall-ewwel darba fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. 

Kemm il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà u kif ukoll il-Ministru Byron Camilleri, sellmu l-memorja tas-Supretendent Jesmond Borg, li miet ftit tal-jiem ilu. Huma qalu kif is-Supretendent Borg għandu jservi ta’ mudell għal kull minn jixtieq jibni karriera fil-Korp tal-Pulizija. 

Intant, qabel ma nħatru Spetturi, dawn l-uffiċjali attendew kors ta’ 15-il ġimgħa fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati bħala uffiċjali kadetti, filwaqt li ser ikunu wkoll qed jattendu kors ta’ sentejn fl-Università ta’ Malta. Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Kmandat tal-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati, is-Sinjura Karen Galea. 

Ekonomija

Sport