Saturday, November 23, 2024

Jinħatru 50 surġent tal-Pulizija… Terz ta’ dawk li ngħataw il-ħatra huma nisa

Aqra wkoll

Illum waranofsinhar, 50 kuntistabbli tal-Pulizija ġew promossi fil-kariga ta’ surġent, f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana. Iċ-ċerimonja kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Dr Byron Camilleri u mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà. B’kollox inħatru 34 raġel u 16-il mara bħala surġenti tal-Pulizija.

Il-Ministru Byron Camilleri qal lis-surġenti l-ġodda li meta daħlu fil-Korp tal-Pulizija ħadu ġurament sabiex ikunu ta’ servizz lejn il-pajjiż u llum, b’din il-ħatra, se jibdew ħidma ġdida fi żmien eċitatanti għall-Korp tal-Pulizija. “Il-Korp għandu ħafna tajjeb u meta nħares lejkom nixtieq li tkunu parti ntegrali minn din it-trasformazzjoni li qiegħda ssir fil-Korp. Bħala Gvern qed inwegħdu li se nibqgħu ninvestu fil-Korp tal-Pulizija”, qal il-Ministru Camilleri.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà, qal li huwa kburi li llum, terz ta’ dawk li ngħataw il-ħatra huma nisa. Qal li dan juri li l-Korp għandu fih uffiċjali li mhux jidħlu fil-Korp għal paga, iżda biex jikbru fil-karriera tagħhom. Huwa qal li issa huwa l-mument tal-prova li dak li tgħallmu fil-kors jimplimentawh, li jkunu mexxejja li kapaċi jgħaqqdu tim ta’ nies, jimmotivaw lin-nies u li għandhom viżjoni. “Intom li se taqdu l-funzjoni ta’ surġenti fid-distretti tridu taraw li tmorru għand in-nies sabiex tassew niżvilupaw il-kunċett ta’ sħubija. Dawk li minnkom se jkollkom rwol investigattiv, nitlobkom biex tagħmlu xogħolkom bl-aktar reqqa. Araw li tagħtu prijorità lill-vittmi tar-reati. Irridu nkunu empatiċi magħhom u npoġġu lilna nfusna fiż-żarbun tagħhom biex tassew nifhmu minn xiex ikunu għaddejjin”, qal il-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Ministru Byron Camilleri u l-Kummissarju Angelo Gafà awguraw lis-surġenti u rringrazzjawhom tal-kontribut li qed jagħtu lill-pajjiż bħala membri tal-Korp tal-Pulizija.

Sport