Friday, November 1, 2024

Jinħeles mill-arrest għax inżamm aktar milli tgħid il-liġi

Aqra wkoll

Raġel li flimkien ma’ persuni oħra qed jaffaċċja akkużi f’każ dwar allegat traffikar ta’ persuni u prostituzzjoni ta’ nisa mill-Amerika t’Isfel, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-Qorti rat li l-arrest kontinwu tiegħu qabeż it-terminu previst mil-liġi.

Jorge Emilio Herrera Mendez, permezz tal-Avukati tiegħu Dr José Herrera u Dr Herman Mula, ippreżenta rikors magħruf bħala “habeas corpus” biex ikun jista’ jingħata l-libertà proviżorja.

L-Avukat Ġenerali ma oġġezzjonax għall-fatt li t-terminu ta’ għoxrin xahar iddekorra iżda oġġezzjona għall-ħelsien tal-Kolombjan fejn enfasizza li l-imputat ma kellu l-ebda rbit ma’ Malta.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qalet li l-punt tat-tluq ta’ dan ir-rikors huwa li kull persuna li tiġi akkużata quddiem il-Qrati tal-Maġistrati għandha tingħata l-libertà fi żmien it-terminu ta’ 20 xahar minn mindu bdiet il-kawża jekk ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest.

F’dan il-każ, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit nnotat li dan it-terminu kif stipulat mil-liġi kien skada b’erba’ xhur. Tenniet li l-kwistjoni ta’ dan ir-rikors torbot fuq il-fatt li meta l-Avukat Ġenerali ħarġet l-Artikoli tal-Liġi li biha għalhekk il-proċeduri jiġu sommarji jekk l-imputati jaqblu, ġara li tnejn mill-ko-imputati taw il-kunsens biex b’hekk għalihom tista’ tibqa’ għaddejja b’mod sommarju.

Iżda r-rikorrent (Mendez), għal xi raġuni tiegħu eżerċita dritt li ttih il-liġi u ma aċċettax li jiġi ġudikat mill-Qorti hekk kif inhi komposta fil-kumpilazzjoni. Għaldaqstant huwa jinsab f’sitwazzjoni anomala fejn allura għandu jistenna li jiġu definittivament konklużi l-proċeduri taż-żewġ ko-imputati l-oħra sabiex l-Avukat Ġenerali toħroġ l-Att tal-Akkuża u għaldaqstant tieħu konjizzjoni tal-fatti.

“Għaldaqstant qed tinħoloq sittwazzjoni fejn it-terminu tal-20 xahar kien għadu ma ddekorriex meta nqraw l-Artikoli lill-ko-akkużati l-oħra, iżda li llum il-ġurnata, fir-rigward tar-rikorrent, it-terminu previst mill-Artikolu 575 (8)(b) wara li tiġi ppreżentata l-att tal-akkuża qatt ma jista’ jibda jiddekorri kif ukoll it-terminu tal-20 xahar iddekorra wkoll,” qalet il-Qorti.

Għalhekk żied jingħad li l-kwistjoni tqum jekk fil-frattemp dak it-terminu tal-20 xahar hekk kif kien għadu ma ddekorriex meta nqraw l-Artikoli jiġix sospiż jew jekk jibqax jiddekorri.

“Referenza qed terġa’ ssir għall-Artikolu 575 (6)(b) fejn jistipula meta dan it-terminu jiġi sospiż iżda ċertament li mhumiex il-vertenza odjerna. Għaldaqstant, din il-Qorti qed tikkonkludi li fid-dawl ta’ din il-lakuna fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali t-terminu tal-20 xahar jibqa’ jiddekorri.

“Kieku l-Qorti kellha targumenta mod ieħor, tkun qed tikkommetti inġustizzja gravi possibilment b’leżjoni tan-normi kostituzzjonali u ta’ drittijiet fundamentali ta’ kull akkużat li għandu dritt taċ-ċertezza tan-normi kriminali kontrih,” kompliet tgħid il-Qorti.

Tenniet li l-Qrati ripetutament kienu kritiċi fuq id-dritt ta’ detenzjoni illegali fis-sens illi anke meta l-liġi tpoġġi l-oneru tal-imputat li jitlob li t-terminu tal-20 xahar iddekorra u jekk dan ma jitolbux, xorta sabu leżjoni tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti qalet li kienet qed tikkondividi l-argumenti tar-rikorrent illi l-arrest kontinwu kien qabeż it-terminu previst mil-liġi. Għalhekk, ħelset lil Mendez mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Sport