Saturday, May 18, 2024

Jinqabad isuq bil-130 f’żona ta’ 70 Kilometru fis-siegħa

Mill-ewwel tas-sena sal-bieraħ, is-Sezzjoni tat-Traffiku waħedha ħarget mal-2,400 ċitazzjoni fuq sewqan eċċessiv

Aqra wkoll

Illum kompliet is-sorveljanza fit-toroq dwar abbuż ta’ sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti oħra tat-traffiku f’operazzjoni konġunta li saret bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, is-sezzjoni tat-Traffiku u tal-Pulizija għall-Komunità ta’ Pembroke u Swieqi. 

Dawn l-ispezzjonijiet kontinwi jsiru sabiex is-sewwieqa jkunu konxji li jekk iseħħ inċident, mhux huma biss jistgħu jweġġgħu, iżda jistgħu jweġġgħu persuni oħra li jkunu għaddejjin mill-istess toroq, u saħansitra tali inċidenti jistgħu jwasslu anke għall-affarijiet aktar serji. 

Jiem bħal Ħdud, meta ħafna mit-toroq jkunu iktar battala minn ġranet oħra, l-abbuż fis-sewqan ikun akbar. Minkejja d-diversi appelli li jagħmel il-Korp tal-Pulizija, illum, l-uffiċjali reġgħu kienu impenjati f’aktar kontrolli f’toroq arterjali sabiex jaqta’ dan l-abbuż. 

Dalgħodu, waqt spezzjonijiet li saru fi Triq Sant’Andrija, fis-Swieqi, f’temp ta’ siegħa u nofs, il-Pulizija ħarġu madwar 30 taħrika rigward sewqan eċċessiv, f’żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa. 

Fost it-taħrikiet, dawn ingħataw lil sewwieq ta’ BMW li nqabad isuq b’130 kilometru fis-siegħa, lis-sewwieq ta’ Audi A4 li nqabad isuq b’120 kilometru fis-siegħa u taħrika oħra ngħatat lis-sewwieq ta’ Toyota Corolla li nqabad isuq b’121 kilometru fis-siegħa. Inħarġu wkoll taħrikiet lil sewwieqa oħra li nqabdu jsuqu bejn 91 kilometru fis-siegħa u 107 kilometri fis-siegħa, fl-istess żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa. 

Fl-istess triq, ingħataw ukoll kontravenzjonijiet rigward irregolaritajiet oħra, fosthom sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà, vetturi li ma kellhomx numri tar-reġistrazzjoni imwaħħlin, vetturi b’tinted glass, u sewqan perikoluż. 

Il-kelliem tal-Korp tal-Pulizija spjega li “mill-ewwel tas-sena sal-bieraħ, is-Sezzjoni tat-Traffiku waħedha ħarget mal-2,400 ċitazzjoni fuq sewqan eċċessiv. Għalhekk l-appell tagħna mill-ġdid huwa biex wieħed josserva l-limitu tal-veloċità u jobdi r-regolamenti kollha tat-traffiku. Aħjar minuta tard milli qatt” . 

Sport