Tuesday, April 30, 2024

Jinqatel il-mexxej tal-Al Qaeda f’attakk Amerikan bi drone

Aqra wkoll

Il-mexxej ta’ Al Qaeda, l-Eġizzjan Ayman al-Zawahiri, inqatel f’attakk ta’ drone fl-Afganistan. Huwa nqatel f’operazzjoni kontra t-terroriżmu li saret mis-CIA Amerikana fil-kapitali Afgana ta’ Kabul nhar il-Ħadd li għadda. Hu u Osama Bin Laden kienu l-moħħ wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001 u kien wieħed mit-“terroristi l-aktar imfittxija” tal-Amerika.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden li kkonferma l-qtil tal-mexxej tal-Al Qaeda, qal li Zawahiri kien naqqax traċċa ta’ qtil u vjolenza kontra ċittadini Amerikani.

Minn qalb il-moħbiet strateġiċi li kien jokkupa, Zawahiri kien jikkoordina l-fergħat tal-Al Qaeda mxerrdin madwar id-dinja kollha u kien ukoll jiggwida l-operazzjonijiet kollha partikolarment attakki mmirati lejn l-Istati Uniti.

Biden qal li kien ta l-approvazzjoni finali għall-“attakk ta’ preċiżjoni” fuq l-Eġizzjan ta’ 71 sena wara xhur ta’ ppjanar. Il-President Amerikan fisser il-qtil tiegħu bħala l-għeluq tat-traġedja għall-familji ta’ kważi 3,000 vittma tal-attakki tal-2001.

Zawahiri kien imexxi wkoll atti oħra ta’ vjolenza, inkluż l-attakki suwiċida bil-bombi tad-destroyer navali USS Cole f’Aden f’Ottubru 2000 li qatel 17-il baħri Amerikan u l-attakki tal-1998 fuq l-ambaxxati tal-Istati Uniti fil-Kenja u t-Tanżanija, li fihom inqatlu 223 persuna.

Mingħajr ma rrefera għal Zawahiri, kelliem għat-Taliban iddeskriva l-operazzjoni Amerikana bħala ksur ċar tal-liġi internazzjonali u qal li azzjonijiet bħal dawn huma ripetizzjoni tal-esperjenzi falluti tal-aħħar 20 sena u huma kontra l-interessi tal-Istati Uniti tal-Amerika, l-Afganistan u għar-reġjun kollu. Madankollu, uffiċjali Amerikani sostnew li l-operazzjoni kellha bażi legali.

Il-qtil ta’ Zawahiri seħħ kważi sena wara li t-truppi Amerikani temmew l-irtirar tagħhom mill-Afganistan fuq ordnijiet ta’ Biden u b’hekk intemmet preżenza militari ta’ 20 sena fl-Afganistan.

Taħt il-ftehim ta’ paċi tal-2020 mal-Istati Uniti, it-Taliban qablu li ma jippermettux lil Al-Qaeda jew kwalunkwe grupp estremista ieħor jopera f’żoni taħt il-kontroll tagħhom.

Madankollu, it-Taliban u l-Al-Qaeda huma alleati għal żmien twil u uffiċjali tal-Istati Uniti qalu li t-Taliban kienu konxji tal-preżenza ta’ Zawahiri f’Kabul.

F’laqgħat ta’ tagħrif, uffiċjali tal-intelliġenza tal-Istati Uniti qalu li msieħba Talibani żaru d-dar fejn kien Zawahiri wara l-istrajk f’tentattiv biex jgħattu l-evidenza tal-preżenza tiegħu hemmhekk.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken qal li bl-ospitar u l-kenn ta’ Zawahiri f’Kabul, it-Taliban “kiser bil-kbir” il-ftehim ta’ paċi.

L-istrajk tad-drones huwa l-ewwel intervent Amerikan ġewwa l-Afganistan minn wara l-irtirar militari tal-Istati Uniti f’Awwissu li għadda. Madankollu, u minkejja l-irtirar, il-gwerra kontra t-terroriżmu li ilha għaddejja għexieren ta’ snin tkompli.

Ġranet qabel l-irtirar militari f’Awwissu tas-sena l-oħra, attakk bi drone Amerikan kien ikkalkula ħażin u qatel 10 persuni innoċenti f’Kabul, inkluż ħaddiem tal-għajnuna u sebat itfal. L-Istati Uniti dakinhar qalet li kien “żball traġiku” u l-attakk kien immirat fuq fergħa lokali tal-grupp tal-Istat Iżlamiku.

Zawahiri, kirurgu tal-għajnejn Eġizzjan, kien mitfugħ il-ħabs fis-snin tmenin għal involviment tiegħu fl-Istat Iżlamiku militanti. Huwa kien telaq mill-pajjiż wara li nħeles mill-ħabs u kien involut f’movimenti vjolenti tal-ġiħadisti internazzjonali.

Eventwalment huwa stabbilixxa ruħu fl-Afganistan u ngħaqad ma’ Sawdi għani u Osama Bin Laden. Flimkien huma ddikjaraw gwerra lill-Istati Uniti u organizzaw l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001.

Il-ħidma biex jiġi ntraċċat Bin Laden damet għaxar snin sakemm ġie maqtul mill-Istati Uniti. Wara dan, Zawahiri assuma t-tmexxija tal-Al-Qaeda, iżda sar figura remota u marġinali, u okkażjonalment ħareġ messaġġi biss.

L-Istati Uniti ħabbret il-mewt tiegħu bħala rebħa, partikolarment wara l-irtirar kaotiku mill-Afganistan is-sena li għaddiet, iżda Zawahiri kellu relattivament ftit influwenza hekk kif gruppi u movimenti ġodda bħall-Istat Iżlamiku saru dejjem aktar influwenti. Bla dubju li l-Al-Qaeda se jaħtru mexxej ġdid, iżda x’aktarx li dan se jkollu saħansitra inqas influwenza mill-predeċessur tiegħu.

Sport