Uffiċjali mill-Isptar Nasser li jinsab fin-Nofsinhar ta’ Gaża qalu li mill-inqas 24 persuna sfaw maqtula hekk kif kienu qegħdin jistennew biex jingħataw l-għajnuna umanitarja.
Rapporti fil-midja internazzjonali qegħdin jgħidu li t-truppi Iżraeliti bdew jisparaw bl-addoċċ fuq persuni li kienu qegħdin jipprovaw iġibu ftit ikel u ilma għalihom u għall-familjari tagħhom.
Min-naħa tagħhom, il-Forzi Iżraeliti filwaqt li kkonfermaw li kienu fetħu n-nar fl-inħawi indikati, qalu li ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ u kulma kienu qegħdin jagħmlu hu li jisparaw fl-ajru biex jinfirxu n-nies li kien hemm.
Filmati li waslu għand il-BBC kienu juru diversi katavri fil-bitħa tal-isptar u kien evidenti li dawn inqatlu minħabba l-ammont kbir ta’ demm li kien hemm mal-art.
Iżda l-istess ġurnalisti tal-BBC qalu li għalkemm il-filmat jidher li hu awtentiku, xorta waħda ma setgħux jivverifikaw minħabba li Iżrael mhux qiegħed iħalli l-midja taħdem f’Gaża tant li l-aġenziji internazzjonali tal-aħbarijiet m’għandhom lil ħadd jirrapporta minn din iż-żona.
UNRWA, l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati Palestinjani, qalet li hemm eluf kbar ta’ tfal li huma morda serjament u jinsabu f’riskju li jmutu. Qalet li ta’ kuljum dan in-numru qiegħed ikompli jikber u aktar tfal qegħdin jinsabu f’postijiet li m’hemm l-ebda dinjità li tgħix fihom.
Aktar minn hekk, il-Ġnus Magħquda qalet li l-għajnuna umanitarja li waslet f’Gaża hi kollha kkontrollata minn Iżrael u l-Istati Uniti fejn dawn għamlu sistema ta’ kif għandu jitqassam l-ikel, l-ilma u anke mediċina. Rapporti jgħidu li huma ħadu kontroll tal-għajnuna umanitarja minħabba biża’ li l-affarijiet kienu se jinsterqu mill-militanti tal-Ħamas.
Intant, l-aħħar rapporti jgħidu li minn meta bdew il-gwerra f’Gaża ġew maqtula aktar minn 57,000 persuna.
Iżda uffiċjali tal-Ġnus Magħquda jgħidu li dan in-numru mhux reali hekk kif kien hemm ħafna eluf oħrajn li ġew maqtulin minn Iżrael f’attakki ħorox li wettaq fuq din il-parti fil-Lvant Nofsani.