Thursday, December 26, 2024

Jinstab ħati wara li “nnota xi ħaġa stramba taħt ġebla f’għalqa…” u kienet droga

Aqra wkoll

Brian Bonnici ta’ 35 sena ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn wara li nstab ħati li nqabad bid-droga li ma kinitx għal użu personali tiegħu. Hu kien akkużat li fl-2010 kull fil-pussess tiegħu d-droga kokaina, ecstasy u l-kannabis

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li kienu rċivew informazzjoni li Bonnici seta kien involut f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga. Wara jiem ta’ investigazzjoni hu twaqqaf meta kien qiegħed fil-karozza quddiem id-dar tiegħu u kien hawn li l-Pulizija sabulu pakketti bil-kokaina u fil-karozza nstabu 10 pilloli ecstasy u pakkett kannabis.

Meta kien mitkellem mill-pulizija, Bonnici qal li għandu l-problema tad-droga u kkonferma wkoll mal-pulizija li kellu 10 pilloli esctasy, 14-il pakkett kokaina u erba’ pakketti bil-kannabis.

Iżda qal li dawn kien sabhom xi 15-il ġurnata qabel ma ġie arrestat. Mal-Pulizija Bonnici qal li kien miexi bil-kelb u ħin minnhom innota xi ħaġa stramba taħt ġebla f’għalqa. Qal li hemm sab id-droga u ġabarhom. Waqt l-investigazzjoni r-raġel qal li beda jara x’se jaqbad jagħmel bihom, iżda fl-istess ħin qal li kien kkonsma tliet pakketti kokaina minn dawk li kien sab. Huwa ċaħad li kellu l-ħsieb li jbigħ id-droga anke jekk il-pulizija sabet lista ta’ numri u ismijiet fil-karozza.

Iżda fil-Qorti waqt li kien qiegħed jixhed Bonnici qal li kien ivvinta storja lill-pulizija dwar kif sab id-droga. Qal li kien għamel hekk għax kien jibża’ minn dak ir-raġel li kien jixtri d-droga mingħandu. Qal li dak iż-żmien kien iħoss li ħajtu spiċċat u kien jieħu d-droga. Stqarr li llum il-ġurnata m’għadux jieħu u biddel xogħlu u minn ġo pub mar jaħdem bħala electrician.

Il-Maġistrat Elaine Rizzo qalet li m’għandhiex dubju li huwa kellu d-droga fuqu filwaqt li l-ammont li kellu fuqu ma setax jittieħed f’darba. Għaldaqstant, sostniet li l-ammont ta’ droga kokaina li kellu fuqu ma jindikax li seta’ kien għall-użu esklussiv tiegħu.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ma hemm l-ebda dubju li d-droga kienet għall-użu personali tiegħu, iżda meta ġiet għal piena qieset il-proċess li għamel l-akkużat fir-rijabilitazzjoni tiegħu u għalhekk tatu sena ħabs sospiżi għal sentejn. Ma’ dan huwa weħel multa ta’ €2,000 u ġie ordnat iħallas €1,400 fi spejjeż tal-Qorti.

Ekonomija

Sport