Il-Gwardji tal-Kosta tal-Istati Uniti qalu li kienu sabu l-fdalijiet tal-ajruplan żgħir li ġġarraf fl-Alaska nhar il-Ħamis. Fih instabu t-tliet persuni li kienu abbord u kollha ġew iċċertifikati mejtin.
Iżda l-istess Gwardji qalu li hemm suspetti li abbord kien hemm seba’ persuni oħrajn li s’issa l-katavri tagħhom għadhom ma nstabux minħabba l-kundizzjoni ta’ kif instab l-ajruplan.
Skont informazzjoni li għandhom il-Gwardji tal-Kosta, abbord l-ajruplan kien hemm għaxar persuni u l-ajruplan kien tal-linja tal-ajru Bering Air. Kien nhar il-Ħamis li għadda meta l-ajruplan kien qiegħed itir 19-il kilometru ‘l barra mill-kosta meta tilef il-kuntatt mat-torri tal-kontroll.
L-awtoritajiet qalu li l-ajruplan instab 34 mil ‘l bogħod mill-belt ta’ Nome u kien sejjer fid-direzzjoni ta’ Unalakleet.
“Illejla għidu talba għal 10 persuni li jidher li tilfu ħajjithom fuq Bering Air waqt titjira fl-Alaska,” qal Sean Duffy is-Segretarju tat-Trasport tal-Istati Uniti.
Duffu qal li l-Board tas-Siġurtà Nazzjonali tat-trasport bdiet investigazzjoni dwar dan l-inċident u qiegħda tkun mejjuna mill-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni.
L-awtoritajiet ta’ Nome qalu li l-pilota talab permess biex jinżel fl-ajurport tal-belt, iżda talab wkoll biex sakemm ir-runway tkun sigura joqgħod idur fuq l-istess belt dak li jgħidulu ‘holding pattern’.
Imbgħad jidher li l-ajruplan beda jitlef mill-għoli tiegħu u anke mill-veloċità fejn kien hemm li ntilef il-kuntatt.