Karl Vella Petroni nżamm arrestat wara li tressaq il-qorti mixli li s-Sibt li għadda qatel b’mod involontarju żewġt irġiel, raġel mill-Pakistan ta’ 41 sena u ieħor ta’ 33 sena f’inċident tat-traffiku fil-Mosta.
Vella Petroni ġie mixli wkoll li kien qiegħed isuq il-karozza tiegħu taħt l-influwenza tax-xorb u droga, li saq mingħajr polza tal-assigurazzjoni u li sar reċediv.
L-inċident fatali tas-Sibt seħħ għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu meta seħħet ħabta bejn Smart Fortwo, misjuqa minn Vella Petroni, u mutur Yamaha Crypton, li fuqu kien hemm iż-żewġ vittmi. Wieħed minnhom miet mad-daqqa wara li spiċċa f’għalqa f’ġenb it-triq kawża tal-impatt vjolenti u l-ieħor miet ftit tal-ħin wara l-wasla tiegħu fl-Isptar Mater Dei.

Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Abigail Critien, l-avukat tad-difiża Charles Mercieca qal li l-Pulizija kellha tistenna li tiġi konkluża l-inkjesta qabel l-imputat jitressaq il-Qorti. Huwa żied jgħid li f’dan l-istadju d-difiża m’għandhiex il-fatti kollha essenzjali li jistgħu jintużaw biex jiġi sfidat il-validità tal-arrest.
Min-naħa tiegħu l-Ispettur Godwin Scerri argumenta li dak li wassal għal arrest tal-imputat mhuwiex marbut ma ebda informazzjoni li tista’ toħroġ jew inkella qiegħed fl-imsemmija inkjesta maġisterjali.

Min-naħa tiegħu huwa qal ukoll li l-arrest tal-imputat seħħ fix-xena tal-inċident wara li l-pulizija indunat li l-imputat kellu riħa ta’ xorb fuqu. L-Ispettur spjega li fil-ħin li fih seħħ l-inċident, l-imputat kien ukoll pożittiv għad-droga. Min-naħa tagħha, il-qorti qieset l-arrest bħala wieħed validu.

Filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona għal din it-talba minħabba li għad hemm diversi xhieda li għad iridu jixhdu fil-każ.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha u rat il fedina kriminali tal-imputat, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Abigail Critien ċaħdet il-ħelsien mill-arrest.