Iż-żewġt irġiel arrestati lbieraħ fil-Ħamrun ser jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tas-1:00 p.m quddiem il-Maġistrat Dr Marse Ann Farrugia u jkunu akkużati bi traffikar tad-droga fost l-oħrajn.
Ilbieraħ: Jinstabu aktar minn mitt qartas bi droga fil-Ħamrun… arrestati żewġt irġiel
Investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-ġlieda kontinwa kontra t-traffikar tad-droga, wasslu biex kmieni dalgħodu ġew arrestati żewġt irġiel fil-Ħamrun.
Wara informazzjoni li ż-żewġ suspettati – ta’ 31 sena residenti Bormla u ta’ 26 sena residenti l-Belt Valletta – kienu qegħdin jiffrekwentaw l-akwati ta’ Triq Manuel Magri, il-Ħamrun fejn allegatament kien qiegħed isir it-traffikar tad-droga, il-Pulizija bdiet sorveljanza fuq il-post.
Dalgħodu, għal xi 7.00am, il-Pulizija nnutat liż-żewġ suspettati jaslu fuq il-post b’karozza u mutur. Huma twaqqfu minnufih u saret tfittxija fuqhom, fejn instabu fil-pussess ta’ aktar minn mitt qartas, allegatament droga kokaina.
Waqt li saret tfittxija f’appartament ta’ wieħed mis-suspettati fejn ġew elevati xi dokumenti, saret ukoll tfittxija f’appartament fil-Mosta li wkoll jiġi ffrekwentat minn wieħed mill-arrestati, li minnu ġew elevati aktar qratas suspettati droga kokaina u eroina, kif ukoll madwar €20,000 fi flus kontanti.
Waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia LL.D qiegħed imexxi inkjesta.