Tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Aldo u Isabelle Cutajar
Aldo Cutajar, l-eks membru tal-konsolat Malti fi ħdan l-Ambaxxata Maltija ġewwa Shanghai, beda jiffaċċja l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tiegħu u ta’ martu l-bieraħ, fuq bosta akkużi fosthom il-ħasil ta’ flus.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-imputati tressqu fuq numru ta’ akkużi, fosthom il-pussess ta’ kumpanija rreġistrata ċ-Ċipru bil-għan li din tintuża għall-ħasil ta’ flus, li bihom inxtraw numru ta’ propjetajiet, karozzi u oġġetti lussuzi.
Il-Prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispettur Lianne Bonello, saħqet kif uħud minn dawn l-oġġetti prezzjużi kienu prelevati mill-Pulizija, waqt l-arrest u l-ħidma sussegwenti tal-Pulizija.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda rat ukoll lil diversi nutara u rappreżentanti ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji, li fihom taw iktar dettall fuq id-dokumentazzjoni kollha relatata mal-proprjetà tal-akkużati.
L-Avukati Joe Giglio u Roberta Bonello Felice deheru għall-akkużati.