Thursday, October 10, 2024

Kunsilli Lokali sodisfatti bl-estensjoni tal-proġett tal-Pulizija fil-Komunità

Aqra wkoll

Permezz tal-ewwel proġett mhux biss żdiedu r-rondi iżda ssaħħet il-fiduċja fil-pulizija

Minn Maria Azzopardi

Wara s-suċċess tal-ewwel proġett tal-Pulizija fil-Komunità tal-Mellieħa, kif kien imħabbar, dan il-proġett qed jiġi estiż f’numru ta’ lokalitajiet oħra. Dawn huma Birżebbuġa, Marsaxlokk, Swieqi u Pembroke, Rabat, Dingli, Mtarfa, Mdina u Baħrija, Valletta, Floriana u Fgura. Apparti minn dawn il-lokalitajiet, dan il-proġett se jkompli għaddej fil-lokalità tal-Mellieħa. Minn starriġ li kien sar wara l-ewwel proġett bħal din ix-xorta fil-Mellieħa, deher ċar li permezz ta’ dan il-proġett mhux biss żdiedu r-rondi iżda ssaħħet il-fiduċja fil-pulizija.

L-ORIZZONT tkellem ma’ uħud mis-Sindki ta’ dawn il-lokalitajiet fejn staqsa kif ġiet milqugħa din l-aħbar u x’inhuma uħud mill-isfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-lokalitajiet tagħhom. Il-Kunsilli Lokali li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalu li jinsabu ħerqana għall-estensjoni tal-proġett tal-Pulizija fil-Komunità filwaqt li jinsabu ottimisti li bil-preżenza tal-Pulizija fit-toroq, se jiġu eliminati ċertu sfidi.

Intant, il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Tibdil fil-Klima Byron Camilleri qal li jinsab sodisfatt bil-mod kif qed tintlaqa’ l-ħidma tagħhom biex tissaħħaħ il-preżenza tal-pulizija fil-komunità. Il-Ministru Camilleri żied jgħid li pass wara pass iridu jsaħħu dan il-kunċett mal-pajjiż kollu fuq perjodu ta’ żmien.

Is-Sindku tal-Floriana Davina Sammut Hili: “Il-lokalità tagħna tbati ħafna minn vandaliżmu”

F’kummenti lil dan il-ġurnal, il-Kunsill Lokali tal-Floriana qal li jilqa’ bi pjaċir li l-lokalità tagħhom se tkun qiegħda tiġi nkluża fil-proġett tal-Community Police. Is-Sindku tal-Floriana Davina Sammut Hili qalet li l-preżenza tal-pulizija hija mperattiva speċjalment għal lokalità tagħhom li l-popolazzjoni tagħha hija waħda anzjana.  Hija qalet li l-fatt li l-pulizija jkunu iffukkati fuq lokalità waħda jgħin biex huma stess jibdew isiru qishom familja mar-residenti u għalhekk ikunu aktar aċċessibli kif ukoll mgħarfa biex jagħtu attenzjoni partikolari fuq il-problemi tal-lokalità.

Hija żiedet tgħid li tħoss li l-Community Police se jkun rwol importanti ħafna fis-soċjetà tagħhom u ħerqana biex tara l-frott ta’ dan il-proġett. “Il-lokalità tagħna tbati ħafna minn vandaliżmu speċjalment minħabba li hawn ħafna postijiet miftuħa. Barra minn hekk sfidi oħra huma l-kriminalità u l-abbuż ta’ droga. Nemmen ukoll li ż-żamma tal-indafa, rimi illegali, kif ukoll skart maħrug mhux skont il-ġurnata tal-iskeda huma sfidi ohra. Dawn l-isfidi sejra nara li li nkun qiegħda nagħmel l-akbar impenn biex jiġu megħluba,” temmet tgħid is-Sindku tal-Floriana.

Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili: “Dan il-proġett jimlieni b’kuraġġ”

Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili qal lil dan il-ġurnal li r-reazzjoni tar-residenti tagħhom kienet waħda pożittiva ħafna. “Aħna bħala lokalità bħala responsabilità konna naqgħu taħt l-għassa ta’ San Ġiljan. Allura li jkun hemm tim speċjalizzat li jkun lest jisma l-problemi u l-ħsibijiet tar-residenti tagħna u tagħna bħala Kunsill Lokali, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Mhuwiex dak it-tip ta’ ‘policing’ li jiġġieled il-kriminalità pero l-fatt li jkun hemm tim speċjalizzat li jkun jista’ jifhem l-esiġenzi tal-lokalità u jkun jista’ jiprevjeni ċertu affarijiet billi pereżempju ssir ronda fl-akwati fil-lokalità tagħna, li nafu li tbati minn ċertu attivitajiet, bħax-Xagħri tagħna fejn mhux kull min imur jixtieq sempliċement igawdi l-arja friska imma jkun hemm min iqabbad in-nirien u jagħmel il-bbqs f’area li hija protetta. Għalhekk nemmen li dan it-tim speċjalizzat se jkun qed jindirizza dawn l-esiġenzi tal-lokalità tagħna b’mod aktar effikaċi biex fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw ir-residenti tal-lokalità tagħna.”

Bħala Sindku li qal li jħobb josserva, baqa’ jiftakar mument li jista’ jitqies bħala l-qofol tal-proġett tal-community policing. “Osservajt li waqt li kienu qed jagħmlu r-ronda tagħhom kien hemm mara quddiem l-Iskola Primarja li sfortunatament kellha ħass ħażin u filwaqt li kienu qed jagħmlu r-ronda tagħhom, ġiet innutata din il-persuna. Kollha kemm huma marru ħdejn din il-persuna u tawha l-assistenza sakemm issejħet l-assistenza medika. Minn dan il-każ sfortunat ta’ din il-mara, wieħed jista’ jara l-pożittiv tal-proġett tal-Pulizija fil-Komunità. Dawn il-Pulizija jkunu qed jagħmlu r-ronda, li mhux neċessarjament għax xi ħadd ikun ċempel li saret xi serqa, imma qegħdin hemm tassew bħala parti mill-komunità biex jgħinu f’każ li jinqala’ xi ħaġa u anke biex jinnotaw affarijiet oħra. Għalhekk dan il-proġett jimlieni b’kuraġġ. Fejn qabel forsi konna nirrapportaw l-għassa ta’ San Ġiljan u konna nistennew, issa l-Pulizija parti mill-proġett fil-Komunità jkunu jistgħu jaraw huma stess f’dak il-mument u nemmen li dik hija xi ħaġa li se tkun qed tgħin fil-lokalità tagħna.”

Is-Sindku ta’ Pembroke qal li hemm affarijiet oħra li huma ta’ sfida fil-lokalità li jridu jiġu indirizzati minn Korpi oħra tal-Pulizija, pereżempju semma’ l-kwistjoni li tinqala’ ta’ spiss fil-Park & Ride filgħaxijiet fejn ikun hemm min jintefa jagħmel id-drifting illegali bil-periklu kollu li jġib miegħu, apparti l-inkonvenjent ta’ storbju fost oħrajn. “Nifhmu li dawn mhumiex fir-rimi tal-Community Policing imma nemmnu li l-fatt li se jkun hemm xi ħadd li jissorvelja u jara d-diffikultajiet li jista’ jkun hemm, u li dan ikun jista’ jirrapporta lill-Korpi oħra fi ħdan il-Pulizija biex jieħdu l-azzjonijiet li jaħsbu li huma meħtieġa, hija xi ħaġa pożittiva wkoll. Nixtieq minn hawnhekk insemmi pubblikament lis-Surġent Mark Cremona li fl-opinjoni tiegħi qed jagħmel biċċa xogħol verament tajba. Jidher li t-tim tal-Community Policing ġew imħejjija tajjeb u kien hemm taħriġ speċjalizzat li nemmen li r-riżultat tiegħu qed narawh fit-toroq tagħna għaliex huma uffiċjali li qed jieħdu x-xogħol tagħhom b’serjetà kbira,” temm jgħid is-Sindku ta’ Pembroke.

Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli: “Ħolma li se ssir realtà”

Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli qal li meta ġew avviċinati dwar dan il-proġett tal-community policing, bħala Kunsill Lokali laqgħu din l-aħbar b’mod sodisfaċenti. “Li nista’ ngħid din hija sfida oħra għal dan il-Kunsill fejn flimkien mal-Community policing se nkunu aktar qrib in-nies. Mhux biss inkunu viċin ir-residenti iżda fl-istess ħin inkunu ta’ sapport ukoll,” qal Dalli. Is-Sindku tal-Fgura spjega li bħala post dan il-Kunsill tkellem u ra li jkun ideali li jiġu stazzjonati fil-Bandli b’hekk ikunu jistgħu jolqtu kullana ta’ żgħażagħ flimkien ma’ persuni minn kull oqsma tas-soċjetà nkluż l-anzjani tagħhom. Huwa qal li dan l-uffiċċju ġie mibdul minn klassi tal-ganutel, ħjata u korsijiet oħra fejn issa marru fil-binja tal-Kunsill.

“Nagħlaq billi nixtieq nirrigrazzja lil Ministru Dr Byron Camillieri kif ukoll is-sezzjoni tal-Community Policing talli din il-ħolma se ssir realtà fil-Lokal tal-Fgura,” qal is-Sindku. Mistoqsi dwar liema huma l-isfidi li jemmen li għandhom jiġu indirizzati u jkunu ta’ prijorità, huwa qal, “L-edukazjoni kif ukoll ħarsien fis-soċjetà speċjalment il-kuntatt bejn in-nies ta’ hemm barra u aħna.”

Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat: “Nemmnu li bil-preżenza tal-Pulizija fit-toroq, is-sigurtà se tiżdied”

Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat qal li bħala Kunsill Lokali jinsab kuntent ħafna li se jiġi offrut is-servizz tal-community policing fil-lokalità tagħhom. Is-Sindku tas-Swieqi qal li l-isfidi prinċipali fil-lokalità huma dawk tal-vandaliżmu u storbju, kif ukoll sigurtà. Huwa qal li minkejja li dawn l-isfidi aktar iseħħu bil-lejl, jinsabu konvinti li bil-preżenza tal-Pulizija fit-toroq, is-sigurtà se tiżdied.

F’kummenti li ta, is-Sindku tas-Swieqi qal li jinsabu ħerqanin biex jibdew jaħdmu mat-team tal-pulizija li bħalissa qed jagħmlu t-taħriġ tagħhom u li diġà bdew jikkomunikaw mas-Surġent li se jkun responsabbli minn din is-sistema. Is-Sindku tas-Swieqi temm jgħid li jinsabu konvinti li flimkien se jaħdmu tajjeb.

Is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Raymond Schembri: “Kontroll aħjar tat-traffiku speċjalment fiċ-ċentru tal-lokal”

Is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Raymond Schembri ukoll jara numru ta’ benefiċċji grazzi għas-servizz ta’ dan il-proġett fil-lokalità ta’ Ħad-Dingli. F’kummenti li ta lil dan il-ġurnal, is-Sindku ta’ Ħad-Dingli qal li permezz tal-iskema tal-pulizija fil-komunità se jkunu qed jitnaqqsu bosta abbużi fosthom: kontroll aħjar tat-traffiku, speċjalment fiċ-ċentru tal-lokal; rimi ta’ skart illegali fil-limiti; abbuż mill-bring-in sites meta l-Kunsill Lokali joffri s-servizz ta’ bulky refuse b’xejn minn wara kull bieb; u kontroll aħjar ta’ parkeġġ u sorveljanza fit-toroq tal-lokal.

Is-Sindku tal-Imdina Peter Sant Manduca: “Għandna sfidi bażiċi bħal ħmieġ tal-klieb, għal sfidi aktar bħal pickpocketing”

Is-Sindku tal-Imdina Peter Sant Manduca qal li jemmen li l-proġett tal-Pulizija fil-komunità huwa inizjattiva tajba. Huwa qal li, “din se tgħin biex iġġib sens ta’ sigurtà fil-komunità. Il-pulizija dejjem kienu ta’ għajnuna kbira u dejjem kelna servizz mill-aqwa ġewwa l-lokalità tagħna. Kif kulħadd jaf, kull lokalità u kunsill f’Malta jiltaqa’ ma diversi problemi u anke l-Imdina mhix eskluża minn dan il-fatt. F’din il-lokalità għandna wkoll ċertu sfidi li jeħtieġ li jiġu indirizzati u nemmen li l-Pulizija fil-komunità se jgħinu biex jiġu solvuti uħud mill-problemi. Is-sitwazzjoni tagħna tvarja minn sfidi bażiċi bħal ħmieġ tal-klieb għal sfidi akbar u maġġuri bħal pickpocketing.”

Sant Manduca qal li jinsabu tassew ħerqana biex jaraw is-suċċess ta’ din l-inizjattiva l-ġdida għax jafu li kienet ta’ suċċess kbir fil-lokalità tal-Mellieħa. Huwa temm jgħid li jinsab fiċ-ċert li se tkun ukoll ta’ suċċess fil-lokalità tagħhom tal-Imdina.

Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa: “Il-popolazzjoni f’Birżebbuġa żdiedet, u żdiedu wkoll l-isfidi…”

Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa qal li meta wieħed jikkonsidra kif u b’kemm żdiedet il-popolazzjoni f’Birżebbuġa dan l-aħħar, fi żmien daqshekk qasir, wieħed malajr jifhem kemm kibru u kemm żdiedu l-isfidi.  “Żdiedu s-siti ta’ kostruzzjoni, żdied it-traffiku u l-karozzi, żdied il-ħmieg u l-iskart, żdied il-vandaliżmu, żdiedu l-abbuzi u żdiedet id-delinkwenza.  Ma nafx kienx hawn Kunsill li seta’ kien ippreparat għal dan kollu!  Bħala Kunsill għamilna diversi talbiet biex tiżdiet il-preżenza tal-pulizija fit-toroq, mal-kosta u f’postijiet rurali u mwarrba.  Anke jekk dejjem sibna koperazzjoni sħiħa mill-pulizija, ir-riżorsi tagħhom huma dak li huma.”

Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa żied jgħid, “Fil-passat il-Kunsill ħadem mal-pulizija mit-taqsimiet tal-klieb, taż-żwiemel u tat-traffiku li kienu jassisstu fil-patrols mal-kosta u kienu effettivi ħafna.  Daqskemm ikkritikajna lill-Gvern meta irreżiżta għat-talba tagħna biex ikollna l-pulizija tal-komunità f’Birżebbuġa, daqstant ieħor fraħna meta konna infurmati li se jkollna dan is-servizz ġewwa l-komunità tagħna.  Anke jekk il-liġi ma tobliganiex, ħassejt li għandi niddelega kunsillier għal dan il-proġett li qed jaħdem id f’id ma’ dan it-tim u, f’isem il-kunsill, qed jara li jsir dak li hemm bżonn biex din is-sistema tiġi aċċettata, tingrana u tkun effettiva f’Birżebbuġa.  Apparti li l-Kunsill silef uffiċċju fil-livell tat-triq, biex ikun komdu għal kulħadd, biex jintuża mill-pulizija tal-komunità, qed ikollna laqgħat spissi kif ukoll qed naħdmu fuq sistema effettiva u effiċjenti biex jiġu indirizzati l-ilmenti u s-suġġerimenti.  Dan kollu, għaliex il-Kunsill jemmen li l-prevenzjoni hija ħafna aħjar mill-kura!  Nemmnu f’din is-sistema u nemmnu li jekk inkomplu naħdmu flimkien, il-pulizija, ir-residenti, is-sidien tal-ħwienet u n-negozji, il-kuntratturi u kull min għal xi raġuni jew oħra jiġi fil-lokalità tagħna, ikollna Birżebbuġa aktar dixxiplinata, aktar organizzata, aktar nadifa u aktar sigura.”

Sport