Wednesday, July 24, 2024

Jinstabu mal-4 tunellati u nofs kannabis u 50 kilo kokaina fi triqithom lejn pajjiżi oħrajn

Aqra wkoll

Uffiċjali mid-Dwana ta’ Malta rnexxielhom jinterċettaw mal-erbat elef u tliet mitt kilogramma ta’ kannabis u ħamsin kilogramma ta’ kokaina f’żewġ tfittxijiet separati li saru fil-Freeport.

Fi stqarrija d-Dwana ta’ Malta qalet li Id-droga kienet destinata lejn Tripli fil-Libja u lejn Slovenja.

Il-kannabis instabet moħbija fi fran industrijali, li kienu qed jinġarru f’kontejner minn Marokk għal-Libja wara li l-uffiċjali ġiehom suspett u ddeċidew li jagħmlu tfittxija intensiva, inkluż bl-iscanners fejn instabu diversi inkonsistenzi fil-materjal li kien qed jinġarr.

L-uffiċjali ħadu jumejn biex wettqu din l-operazzjoni. Din l-operazzjoni saret bl-għajnuna tat-taqsimiet tal-klieb u tan-narkotiċi tal-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili, biex setgħu jżarmaw l-ifran u jsibu d-droga fil-partijiet ta’ ġewwa tal-ifran.

Is-sejba hija meqjusa bħala impressjonanti mhux biss l-kwantità ta’ reżina li nstabet, anke fuq livell internazzjonali, iżda għax il-magni kienu mibnijin apposta biex ma jiġux interċettati.

Jirriżulta li l-valur ta’ din id-droga fis-suq ilaħħaq it-13-il miljun ewro.

L-istqarrija tkompli tgħid li fl-aħħar jiem ġie interċettat ukoll kontejner li fih kien hemm 50kg ta’ kokaina li dan kien ġej mill-Ekwador u kellu jasal Slovenja.

Biż-żewġ każi ġew informati l-maġistrati tal-għassa li niedew inkjesti separati.

Ekonomija

Sport