Fir-Renju Unit l-awtoritajiet qegħdin jonfqu miljuni ta’ sterlini fis-sena biex ikunu jistgħu jnaddfu s-sistema tad-drenaġġ minn affarijiet li qegħdin jitfgħu n-nies fit-toilet.
Il-midja Ingliża rrapportat li l-aktar affarijiet komuni li jinstabu jkun hemm E–cigarettes, mobiles u kontraċettivi.
Jamie Woodhall, li huwa l-Maniġer Tekniku u tal-Innovazzjoni għar-Renju Unit f’Initial Washroom Hygiene, qal li jekk dawn l-affarijiet jitħallew mas-sistema tad-drenaġġ allura joħolqu problemi kbar ħafna.
“Li tarmi affarijiet fit-toilet ħafna jaħsbu li hija l-aktar sistema faċli biex teħles minn affarijiet li ma jkollox bżonn… Hemm nies li qegħdin jarmu dak kollu li jkollhom u ħafna minn dawn l-oġġetti mhux faċli li jinqerdu mal-bqija tad-drenaġġ u allura qegħdin joħolqu problemi kbar ħafna,” stqarr Jamie Woodhall waqt li kien qiegħed jitkellem mal-midja Ingliża.
Biex l-esperti jifmhu aħjar dak li qiegħed jiġri wettqu stħarriġ fost 2,074 Ingliż fejn staqsew x’inhuma jarmu fit-toilet.
26% ta’ dawk li wieġbu qalu li hija xi ħaġa normali li jarmu ħut li jkollhom u jmutu… 34% qalu li b’mod regolari jarmu xagħar wara li jinħaslu filwaqt li 34% ukoll qalu li b’mod regolari jarmu paper towels.
19% ta’ dawk intervistati qalu li jarmu oġġetti relatati mal-period filwaqt li 16% qalu li jarmu wkoll contact lenses. Fatt kurjuż kien li 13% ta’ dawk intervistati qalu li b’mod regolari jarmu kontraċettivi.
L-espert qal li f’sena waħda biss mis-sistema tad-drenaġġ tneħħew b’madwar 3.8 biljun wet wipe li biex tneħħew saret nefqa ta’ £18-il miljun.




