Wednesday, July 24, 2024

Jintlaħaq ftehim biex l-iskejjel jiftħu mit-Tnejn

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-istaff fl-iskejjel se jingħata prijorità fil-programm tal-implimentazzjoni tal-vaċċin

Fl-aħħar ħin il-Gvern u l-Union tal-Għalliema (MUT) ħabbru li ntlaħaq qbil biex jinfetħu l-iskejjel minn nhar it-Tnejn. Dan intqal fi stqarrija konġunta bejn il-Gvern, l-MUT, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti.

Matul il-laqgħa saret preżentazzjoni tas-sitwazzjoni tal-pandemija u l-effett fuq l-iskejjel mill-Professur Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Dr Vincent Marmarà sabiex il-partijiet ikollhom analiżi tal-istatistika tal-pandemija.

Il-konklużjoni ta’ dan kollu kienet li ngħatat l-assigurazzjoni ċara li, billi l-iskejjel ikunu miftuħa b’miżuri ta’ mitigazzjoni, iktar hemm tendenza li jonqsu l-każijiet fil-komunità għax il-familji jipparteċipaw f’inqas attivitajiet soċjali. Dan jipprovdi iktar protezzjoni lit-tfal u lill-edukaturi u jgħin biex irażżan il-pandemija fuq livell nazzjonali. 

Għalhekk, l-iskejjel jistgħu jiftħu minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri kollha li ddaħħlu skont il-protokolli maqbula mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-partijiet irreġistraw ukoll dan il-qbil: 

– Il-proċedura ta’ contact tracing u implimentazzjoni tal-protokolli ser tkun imsaħħa; 
– Il-proċedura ta’ ċertifikati tal-mard li jiġu ppreżentati fl-iskejjel ser titjieb; 
– L-istaff tal-iskejjel se jkunu ta’ prijorità fil-programm tal-implimentazzjoni tal-vaċċin hekk kif bħalissa t-tilqima qed tingħata lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u lill-anzjani;
– Il-partijiet kollha ser ikollhom aġġornament kull ġimgħa permezz ta’ figuri aġġornati dwar l-effett tal-pandemija fl-iskejjel; 
– Il-gvern u l-partijiet kollha qed jerġgħu jingħaqdu f’working group biex jiddiskutu u jirrevedu l-ħidma fil-pandemija b’mod kontinwu. 

L-iskejjel tas-setturi kollha ser ikunu mifuħin minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha skont il-protokolli u skont il-modalitajiet li kienu ġew imħaddma minn kull skola qabel il-Milied.

Ekonomija

Sport