Friday, August 22, 2025

Jinżamm arrestat dwar sejba ta’ 4kg droga b’valur ta’ €200,000

Aqra wkoll

Valentino Morina, Taljan ta’ 29 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li aktar kmieni llum tressaq il-qorti fuq akkużi ta’ importazzjoni tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fid-19 ta’ Awwissu li għadda, il-Pulizija ġew informati li kien hemm pakkett kbir tal-Fedex li fihom kien hemm affarijiet suspettużi.

Ġie spjegat fil-Qorti li meta il-pulizija marru fuq il-post, f’kull borża sabu mal-kilo u nofs sustanza tidher qisha kristalli, li wara rriżulta li kienet MDMA, sustanza sintetika perikoluża ħafna.

B’kollox, il-pakkett kien jiżen mal-erba’ kilogrammi, li l-valur fit-triq ilaħħaq il-€200,000.

L-Ispettur qal li fuq il-pakkett kien hemm numru tal-mobile u meta bdew iċemplu fuqu għall-ewwel sabuh mitfi, iżda aktar tard kellimithom persuna u qaltilhom li xtaqet li l-pakkett jiġi mqassam l-għada.

Meta marru fl-indirizz indikat, l-imputat waqaf ħdejn il-vann li jqassam il-pakketti u ffirma biex ikun jista’ jiġbor il-pakkett. Kien hawn li l-Pulizija nfurmawh li jinsab taħt arrest. Minn tfittxija li saret fuqu, l-Ispettur qal li ma nstab xejn, iżda ma qalilhomx fejn joqgħod.

Fil-Qorti l-imputat qal li ma jaħdimx filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Id-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob il-ħelsien mill-arrest.

L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit mexxew id-difiża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport