Mohamed Keita ta’ 25 sena mwieled il-Mali iżda residenti l-Marsa tressaq il-Qorti mixli li ħebb għal raġel ieħor b’sikkina u kkaġunalu ġrieħi ta’ natura ħafifa. Il-każ seħħ l-Erbgħa li għadda, għall-ħabta tal-11.00 a.m. fil-Ħamrun u fi bnadi oħra f’dawn il-gżejjer.
Keita kien mixli li hedded lill-vittma u pprova jikkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi, li rreżista lill-uffiċjali tal-pulizija u m’obdiex l-ordnijiet tagħhom, li ġarr sikkina mingħajr permess tal-Kummissarju tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzoni tmexxiet mill-Ispettur Andy Rotin filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Daniel Attard deher għall-imputat.