Saturday, May 18, 2024

Tliet kwarti tal-Maltin jaqblu mar-rispons tal-UE għall-gwerra fl-Ukrajna

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Stħarriġ tal-Ewrobarometru għas-sajf 2022 sab li 75% tal-Maltin huma sodisfatti bir-rispons tal-Unjoni Ewropea għall-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Dan kien wieħed mill-ogħla persentaġġi reġistrati fost l-istati membri tal-UE, bil-medja Ewropea tkun dik ta’ 57%.

L-istħarriġ, li sar bejn Ġunju u Lulju li għadda, sab li aktar minn nofs iċ-ċittadini tal-UE huma sodisfatti bir-rispons tal-UE u anke tal-gvernijiet tal-pajjiżi għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna. 

Mill-azzjonijiet meħuda mill-UE, “l-għajnuna umanitarja provduta lil dawk affettwati mill-gwerra” kellha l-aktar appoġġ b’saħħtu fi kważi kull stat membru. Fil-fatt, 96% tal-Maltin jaqblu li għandha tingħata din l-għajnuna, waqt li l-medja Ewropea kienet ta’ 92%.

Barra minn hekk, 94% tal-Maltin jaqblu li għandhom ikunu milqugħa fl-Ewropa dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, 88% sostnew li huma favur li jingħata appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna mentri 81% jaqblu li jkunu imposti sanzjonijiet ekonomiċi fuq ir-Russja. 

Sadanittant, fi 18-il membru stat tal-Unjoni Ewropea, il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu qalu li għandhom fiduċja fl-UE, bl-ogħla livelli jiġu reġistrati f’Malta (71%), il-Litwanja (69%), il-Portugall (68%), id-Danimarka (65%) u l-Polonja (64%). L-inqas livelli kienu reġistrati fil-Kroazja (42%), il-Greċja (37%) u Franza (34%). 

Min-naħa l-oħra, kważi l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropa qalu li huma ottimisti dwar il-futur tal-UE, bl-ogħla livelli jkunu reġistrati fl-Irlanda u l-Polonja (it-tnejn b’83%) u Malta (82%). Greċja hija l-unika pajjiż fejn il-maġġoranza taċ-ċittadini mhumiex ottimisti dwar il-futur tal-UE.

Irriżulta wkoll li mid-diversi azzjonijiet meħuda mill-UE fir-rigward tal-policies tal-enerġija, il-Maltin huma l-aktar li jemmnu li l-UE għandha tinvesti aktar f’enerġija rinovabbli. Tal-istess fehma wara Malta, kien hemm Ċipru u d-Danimarka.

Kif kien il-każ fix-xitwa li għadda, il-fehmiet dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ekonomija nazzjonali kienu jvarjaw fl-istati membri tal-UE: minn 85% fil-Lussemburgu li jaħsbu li s-sitwazzjoni hi tajba għal 8% fil-Greċja li jaħsbuha bl-istess mod. 79% tal-Maltin għandhom tbassir pożittiv dwar is-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż.

Sport