Ahmed Adam Idriss Albarjo ta’ 30 sena li aktar kmieni din il-ġimgħa deher f’filmati l-midja soċjali allegatament jaqla’ daqqiet minn numru ta’ bouncers u uffiċjali tas-sigurtà f’Paceville, baqa’ jinżamm arrestat wara li għall-ħabta tal-11.30am tressaq il-Qorti.
Hu ġie akkużat li ta daqqiet ta’ flixkun u weġġa’ ħafif lil bouncer qabel ma’ allegatament seħħ il-każ ta’ swat.
L-Ispettur Brian Xuereb li qed imexxi l-Prosekuzzjoni spjega li l-filmat li ġie mxandar fuq il-midja soċjali u anke fuq Lovin Malta allegatament ittieħed fl-aħħar lejl tas-sena l-oħra. Fih jidhru ħamest irġiel jattakkaw u jsawtu lir-raġel brutalment, inkluż b’oġġett simili għal lembuba.
Idriss Albarjo wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest hekk kif ġie spjegat li hu l-vittma ta’ swat brutali minħabba l-fatt li ma tħallix jidħol fi istabbiliment.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-fatt li f’dan il-każ għad fadal ħafna nies li jridu jixhdu.
Il-Qorti ordnat li l-akkużat jibqa’ jinżamm arrestat.