Monday, May 13, 2024

Ħataf raġel minn spalltu, attakkah u seraqlu l-mobile

Aqra wkoll

Hamza Mohamud Ibrahim, Somalu ta’ 29 sena nżamm arrestat wara li l-Ġimgħa tressaq il-Qorti akkużat li l-Ħamis filgħaxija seraq raġel fil-Marsa.

Il-Prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt qalet li l-każ seħħ għall-ħabta tad-9.30pm fi Triq Diċembru 13 meta l-akkużat ħataf lill-allegat vittma minn spalltu, attakkah u seraqlu l-mobile. Il-vittma f’dan il-każ weġġa’ ħafif.

Ftit tal-ħin wara l-vittma mar jagħmel rapport l-Għassa tal-Marsa u hekk kif ħareġ ra lil Ibrahim. Il-vittma kien pront daħal lura l-Għassa fejn informa lill-pulizija. Minnfih il-Pulizija arrestaw lil Ibrahim bil-prosekuzzjoni tgħid fil-Qorti li rreżista l-arrest.

Waqt li kien qiegħed jiġi arrestat għamel ħsara fl-arloġġ ta’ uffiċjal tal-Pulizija u uffiċjal ieħor weġġgħu f’idu. Ibrahim saritlu tfittxija u fuqu nstabulu ħames pakketti bid-droga sintetika.

Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi fejn sostna li ma jiftakarx li wettaq xi serqa. Hu sostna li għandu l-vizzju tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Shelby Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat dehret l-Avukat Martina Herrera.

Sport