Monday, May 6, 2024

Illum jixtiequ jemigraw – Fejn xtaqu li twieldu qabel l-2013?

Jikteb MARIO FAVA

Aqra wkoll

Għal dawn l-aħħar sentejn, minn ċerti kwartieri, ilha titmexxa kampanja bil-ħsieb li tpinġi ħażin u ikrah lil pajjiżna, billi tuża liż-żgħażagħ f’għadd ta’ intervisti sabiex jgħidu kemm jixtiequ jmorru jgħixu pajjiż ieħor, kemm m’għandhomx futur ġewwa pajjiżna, kif ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja u li l-unika triq sfurzata li għandhom hija li jemigraw lejn xi pajjiż ieħor.

Dan meta qed jgħixu f’pajjiż li biex isiru avukati, tobba, perit, għalliema, eċċ, l-istess pajjiż, mit-taxxi tiegħi u tiegħek, iħallashom biex jistudjaw mhux huma jridu jħallsu biex jitgħallmu, biex imbagħad tiġi bżonn l-istess tabib, perit jew avukat fost l-oħrajn, sentejn, tlieta wara, u jżommlok disgħin jew xi mija u ħamsin ewro talli jkun iffirmalek xi karta jew irreferiek xi mkien!

Mhux se nidħol f’dan l-argument. Mhux għax mhux argument leġittimu imma għaliex jekk irridu nitkellmu fuq pajjiżna, tajjeb naraw fejn kieku u x’kienu qed jagħmlu dawn iż-żagħżagħ, li fl-2013 kienu għadhom skola sekondarja.

Lura qabel l-2013, fejn kienet Malta? Malta kienet maqsuma politikament, fejn il-mexxejja tal-Partiti kienu jiċċelebraw biss il-festa pubblika marbuta mal-istorja tal-Partit Tagħhom. Pajjiż diviżiv gġall-aħħar. Malta dak iż-żmien kellha tmexxija arroganti maqtghua għal kollox mill-polz tal-poplu. Kellna ekonomija li ġiet ‘down-graded’ u ġġammjata. Kellna Gvern li ta ż-żieda lil membri tiegħu tal-kabinett filwaqt li għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji Maltin u Għawdxin. Illum qed jgħixu f’pajjiz li l-kontijiet tal-enerġija huma orħos minn milli kienu sa minn qabel il-pandemija. Qed jgħixu f’pajjiż fejn assista u wennes l-ekonomija u n-negozju u l-familji ghal sentejn u nofs sħaħ waqt pandemija globali, bla ma għollew il-prezzijiet u billi kważi hadd ma tilef l-impjieg tiegħu.

Dawn l-stess żagħżagħ li llum iridu jitilqu minn Malta, jew aħjar hekk qed jgħidu, dak iż-żmien kienu għadhom tfal u ommijiethom ma kellhomx opportinitajiet daqs illum (jekk kellhom) biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Uħud minnhom, biex il-ġenituri kienu jħalluhom ma’ xi hadd, jew f’xi ‘child-care centre’ dawn riedu jħallsu salarju sħiħ ta’ wieħed mill-ġenituri tagħhom. Illum qed ngħixu f’ Pajjiż fejn jekk huma huma jkollhom l-ulied, jistgżu joġduhom f’ ‘child-care centre’ b’ xejn u s-salarju taghhom u l-partner jibqgħu għandhom.

Tnax-il sena ilu, jekk xi ħadd minn dawn iż-żagħżagħ kellu orjantazzjoni sesswali differenti minn dak li kien jidher minn barra, kellu jibqa’ ħalqu magħluq u propbabli l-ġenituri tiegħu kienu jistħu jgħidu dan mal-qraba tagħhom stess. Illum qed ngħixu f’ soċjeta fejn jekk int jew it-tfal tieg’ek huma ‘gay’ għandhom dinjita’ u ma jistħux juru min huma u jgħixu ħajjithom kif huma komdu jgħixu.

Qabel l-2013, familji bi ulied b’ diżabilità kienu jitolbu l-Alla li t-tfal imutu qabililhom għax ma kellhomx serhan ‘il moħħ ta’ x’ser isir minnhom jekk jiġu nieqsa huma jew kif se jsostnu lilhom infushom. Illum qed ngħixu f’ Pajjiż fejn l-ażjendi u ‘employers’ jiġu ‘ntaxxati’ jekk ma jassigurawx li jimpjegaw magħhom nies b’abbiltajiet differenti skont l-ammont tal-ħaddiema tagħhom. Dan barra ‘allowances’ bla preċedent li ddaħħlu fis-seħħ mill-2013 ‘l hawn ghal dan is-settur, kif ukoll għad ta’ investimenti kapitali f’ binjiet u proġetti speċifikament biex jagħmlu l-ħajja tagħhom aktar komda.

Lil dawn l-istess żaghżagħ li qed jgħidu li Malta m’għandhomx futur, dan il-pajjiż tagħhom id-dritt li jkunu parteċipi u attivi b’mod dirett fl-elezzjonijiet Lokali u Nazzjonali. Ingħata ilhom id-dritt mhux biss li jivvutaw ta’ sittax-il sena imma wkoll li jikkontestaw u għad-dirittura jmexxu lokalita. Daqshek Malta temmen fil-ħiliet tagħhom. Qabel l-2013 iż-żagħażagh kienu biss ‘armatura’ gżal fuq xi palk waqt xi ‘mass meeting’. Ċertament li l-fiduċja fihom ma titkejjilx b’ hekk.

Qabel l-2013, Is-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna kien diżastru fejn il-Gvern tal-ġurnata kien qata’ qalbu li jsolvi jew jipprovba jindirizza l-problema tal-mediċini ‘out of stock’. Gvern Laburista hadem biex qed ngħixu f’ Pajjiż li mhux biss indirizza din il-problema imma anki ndirizza l-isfida kbira oħra li kien hemm, dik tal-listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet. Għal Malta pre 2013 din mam kinietx prijorita’. Malta tal-lum aġġixxiet u qed igawdu n-nies.

Kienet storja komuni ħafna tnax-il sena ilu li student jiggradwa f’ qasam jew settur u appena jispiċċa l-istudji tiegħu, jamel snin jirreġistra biex isib xogħol fil-ġeneru li jkun fih għalih. Kienu jaqtgħu qalbhom u ezepnju studenti gradwati biex jgħallmu t-Taljan kienu jaċċettaw li jaħdmu LSE. Studenti gradwati fl-inġinerija mill-MCAST li ma jistgħux jieħdu ‘Warrent’. Gvern li minkejja li jaf li ma kellux bi ‘nuses’ biżżejjed, żamm lura mili jagħti oppoprtunità lill-aktar studenti biex jidħlu għal dan il-kors.

Fl-enerġija Pajjiżna kellu Gvern li wara li jippubblika sejħa pubblika bil-kriterji li se jaddotta fl-aġġudikazzjoni, jibdel ‘policy’ sħiħa biex jeġevola nies fuq oħrajn. Kellna Gvern li kien komdu ħafna jħalli tfal u familji jbatu b’ mord respiratorju u jħaddem ‘power staion’ bil-faħam sabiex iħaress l-ointeressi ta’ erba’ tal-qalba.

Bħal xejn m’ hemmx minnhom dawn iż-żagħażagh li qed jitkellmu hekk, li kienu joqodu l-Marsa, l-Fgura, Rahal Ġdid jew il-Kottonera! Illum dawn qed jgħixu f’ Pajjiż fejn il-‘policy’ hija li biex niġġeneraw l-energija tagħna nagħmlu użu mill-anqas materja prima li tħammeġ u li tħalli mpatt negattiv mill-anqas fuq is-saħħa tan-nies. Dan biex ma nsemmux l-affordibilta’ ferm aħjar sa minn qabel l-2013.

Pajjiżna esperjenza wkoll qabża fil-kwalita’ f’ diversi oqsma oħra fejn ta’ qabuilna kienu jiddihku meta konna ngħidu li rridu nkunu l-aqwa fl-Ewropa. Dan meta huma kienu ġabu Pajjiz ekonomikament għarkubtejh għaliex kellna Gvern li lanqas jista’ jiddeciedi huwa stess fuq Budget Nazzjonali, wara li kien irnexxilu jdaħħal lil Pajjiżna fi proċedura ta’ ‘deficit’ eċċessiv. Għal kuntrarju, Gvern Laburista irnexxilu jnaqqas id-dejn Nazzjonali, xi ħaġa li kienet kompletament injorata’ minn Gvern preċedenti. Saħansitra, il-wirt li riedu jħallu lil uliedna (iż-żagħżagħ tal-llum) huwa d-dejn tagħhom. Dan huwa l-Pajjiż li kieku jridu jgħixu fih dawn iż-żagħżagħ?

Jitkellmu hekk għax dak li ma kellniex qabel l-2013 issa hadnieh forgranted. Dan japplika ghal kontijiet orhos tal-enrġija, għaż-żidiet fl-istipendju kull sena, għall-għotja ta’ meta tinxtara l-ewwel dar, għall- hlas ta’ €10,000 mill-Gvern mis-self taghhom,għaż-żidiet fil-pensjonijiet, fl-għoli tal-ħajja, għall-garanzija taż-żagħżagh, għall-istrateġija taż-żagħzagh għall-għaxar snin li ġejjin, ghat-trasport b’ xejn, għad-drittijiet ċivili, u ħafna u ħafna miżuri oħra.

U allura, wieħed bilfors jistaqsi l-ġenwintà ta’ dawn l-intervisti. Izda mhux biss, tajjeb naraw dawn l-istess persuni x’ għaandhom xi jgħidu fuq dak li kienet Malta fl-2012 u jekk dak inhar xtaqux ikunu twieldu (mhux jgħixu) Pajjiż ieħor.

Din hija kollha narrattiva tal-Partit Nazzjonalista fejn kellna mexxejja jgħidu li jistħu jgħidu li huma Maltin u oħrajn jgħidu li jixtiequ li kienu Griegi. Għaldaqstant, huwa leġittimu li wieħed jistaqsi x’inhi l-vera ntenzzjoni wara din il-kampanja negattiva fuq Pajjiżna.

Sport