Wednesday, July 24, 2024

Jinżamm arrestat l-Albaniż mixli li darab gravi raġel f’Paceville

Aqra wkoll

Albaniż ta’ 21 sena residenti San Pawl il-Baħar, li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’rabta mal-feriment li seħħ f’Paceville fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn. 

Riald Gragjevi tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud fejn ġie mixli li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq raġel ieħor barra stabbiliment u li kiser il-paċi pubblika.

Gragjevi kien arrestat l-Erbgħa li għadda fl-ajruport waqt li kien se jaqbad titjira barra l-pajjiż, bid-Difiża tgħid li hu ma kellux l-intenzjoni li jaħrab iżda għamel dan għax il-biljett tal-ajru li kellu kien ilu maqtugħ madwar tliet ġimgħat qabel seħħ l-inċident. 

Fil-Qorti ntqal li l-Pulizija kienet irċeviet rapport li kien hemm persuna mitlufa minn sensieha fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan. Meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu raġel bi ġrieħi f’wiċċu u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.

Intqal ukoll li fl-istess lejl, uffiċjal tas-sigurtà kien mar jirrapporta li kien ġie aggredit bi flixkun tal-ħġieġ imkisser. Il-Pulizija rriżultalha li r-rapport kien sar dwar l-allegat vittma. 

Sadanittant, il-Pulizija kienet arrestat lill-imputat u ttieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar investigazzjonijiet. Meta tressaq fil-Qorti, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. 

Id-Difiża argumentat ukoll li l-klijent tagħha safa attakkat bi flixkun tal-ħġieġ imkisser tant li kellhom isirulu tmien punti u li huwa ma kellu x’jaqsam xejn mal-ġrieħi li l-allegat vittma sofra f’wiċċu. 

Minħabba li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, Gragjevi baqa’ miżmum taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Etienne Savona u Giuliana Magro Conti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Brian Xuereb. L-Avukati Shazoo Ghaznavi, Charlon Gouder u Jessica Formosa dehru għall-imputat. 

Ekonomija

Sport