Jinżamm arrestat talli ta n-nar lill-garaxx ta’ blokka appartamenti 

0
2

Raġel ta’ 41 sena residenti l-Imsida kien mixli li ta n-nar lill-garaxx ta’ blokka appartamenti fi Triq Santa Venera, fl-Imsida.

Fil-Qorti ingħad li n-nirien nxterdu fil-garaxx tal-appartament, b’riżultat li l-blokka ġiet evakwata. Meta waslu fuq il-post, il-pulizija sabu lill-imputat u li dan allegatament deher qed jidħaq.

Meta staqsewh x’kien ġara, l-imputat qalilhom li kien qed jipparkja l-vann tiegħu meta, f’daqqa waħda, ħa n-nar. Hu imbagħad ħareġ jiġri ’l barra mill-garaxx.

Madankollu, hekk kif il-pulizija bdew jieħdu stqarrijiet mingħand ir-residenti, is-suspett waqa’ fuqu. Waħda mill-ġirien qalet li kienet fis-sodda meta l-kelb tagħha beda jinbaħ. Hija qalet li għarfet leħen l-imputat u semgħetu jgħid: “L-aħħar darba li tfejt d-dawl tal-komun. Illum naħraq kollox.”

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni sostniet li din ma kinitx l-ewwel darba li għamel theddid simili.  Diversi residenti qalu li l-imputat kien ilu jgħid li se “jaħraq kollox” u li kien tlewwem magħhom bosta drabi.

Wara li semgħet lil dawn ix-xhieda, il-Pulizija arrestat lil Portelli.

Il-Qorti semgħet ukoll li n-nar allegatament beda mill-vettura ta’ Portelli stess, li nqerdet fin-nirien. Intqal li l-vettura la kienet taħt polza ta’ assigurazzjoni u lanqas kellha liċenzja.

In-nirien ikkawżaw ħsarat estensivi fil-garaxxijiet u fil-partijiet komuni tal-blokka residenzjali, li fiha jgħixu madwar 35 familja, b’aktar minn 120 resident.

Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, l-imputat wieġeb li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Id-Difiża argumentat li l-verżjoni tal-prosekuzzjoni “ma tagħmilx sens” u staqsiet għaliex Portelli kellu jagħżel li jagħti n-nar lill-vettura tiegħu stess. 

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li jeżisti riskju reali ta’ intralċ tal-provi, partikolarment minħabba li aktar minn xhud wieħed sostna li għarfu bħala l-persuna li allegatament tat in-nar minn leħnu.

Id-Difiża qalet li, jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, l-imputat kien se jmur joqgħod ma’ missieru fil-Gudja. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba s-serjetà tal-akkużi u r-riskju ta’ intralċ tax-xhieda. Hija ordnat ukoll lill-prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda tagħha kemm jista’ jkun malajr.

Dwar il-każ se tinfetaħ ukoll inkjesta maġisterjali. L-Avukat Roberto Montalto deher għall-imputat, filwaqt li l-Avukat Joseph Camilleri Azarov u l-Ispettur Charlon Borg mexxew il-prosekuzzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here