Jippersisti l-ilment dwar il-latrina ta’ Santa Luċija

0
2

Forsi jkun hemm min jistaqsi jekk sempliċiment ilment dwar latrina pubblika kellux jingħata dan l-ispazju kollu, din il-prominenza kollha, f’gazzetta bħalma hija It-Torċa. Jista’ jkun li mal-ewwel daqqa t’għajn, min jasal biex jistaqsi hekk ikollu raġun. Imma meta mbagħad tkun taf u tqis li tali ilment ilu għaddej xhur u xhur twal u biċ-ċittadini ta’ komunità sħiħa jinżammew fil-għama dwaru allura x-xena tinbidel kompletament.

Huwa għalhekk li b’wiċċi minn quddiem ngħid li nħossni ġustifikat nalloka daqstant spazju, daqstant prominenza, lil dan l-ilment. Kemm is-Sindku ta’ Santa Luċija kif ukoll il-kunsillieri l-oħrajn li jiffurmaw il-Kunsill għandhom iżommu f’moħħhom li dawk iċ-ċittadini li qegħdin ikunu injorati, miżmumin fil-għama, huma l-istess ċittadini li jmorru jitkarrbu għandhom għall-vot meta tasal l-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. L-istess ċittadini li jsirulhom wegħdi kemm trid.

Se nikkwota kelma b’kelma x’kitibli fit-18 ta’ Ġunju li għadda qarrej regolari ta’ din il-paġna residenti Santa Luċija.

“Frans, f’Jannar kont għidtlek dwar il-latrina f’Santa Luċija. Inti kont ktibt dwar dan fil-25 ta’ Jannar. Frans is-sitwazzjoni ma nbidlet Xejn. Lanqas nitfa. Issa biex jgħattu x-xemx bl-għarbiel il-Kunsill Lokali ġab il-mobile toilet. X’ifisser dan, li l-latrina se tibqa’ ma tkunx miftuħa? Kemm qed tiġi tiswa lill-Kunsill din il-mobile toilet li ma hija komda xejn?”

Nistqarr li l-qarrej daħħalni f’kurżità dwar dak li kont ktibt. Fittixt u sibt li fil- ħarġa ta’ din il-gazzetta tal-Ħadd, 25 ta’ Jannar 2026, f’artikolett intitolat “Ilment dwar il-latrina ta’ Santa Luċija” kont ktibt hekk: “Qarrej regolari ta’ din il-paġna fil-jiem li għaddew fakkarni li ilu ftit mhux ħażin kien ilmenta miegħi li l-latrina pubblika ta’ Santa luċija kienet ilha x-xhur magħluqa. Ħsibtu se jgħidli li issa kollox jinsab lest u li din il-latrina qegħda tintuża. Mort imqarraq. Imma mhux biss, agħar minn hekk, għax mhux talli għadha magħluqa tali skont dan il-qarrej ix-xogħol fuqha baqa’ wieqaf. Qalli wkoll li meta ilmenta mas-Sindku rreferietu għall-perit li huwa responsabbli minn dan IL-PROĠETT. Il-qarrej għamel dak li kien mistieden jagħmel, kiteb lill-perit. Min-naħa tiegħu l-perit reġa’ rreferieh għas-Sindku!

“Ma nafx, imma ma naħsibx li ċ-ċiittadin għandu jkun hu li jagħmel kuntatt mal-kuntrattur li SUPPOST qed jagħmel ix-xogħol. Xi raġuni hemm biex ix-xogħol fuq din l-imbierka/misħuta latrina baqa’ u għadu wieqaf. It-tort, in-nuqqas, qiegħed x’imkien jew qiegħed kullimkien. Għax kif dejjem sostnejt, meta xi ħaġa tmur ħażin din tkun orfni, ħadd ma jkun missierha, imma jekk ikun hemm suċċess allura jkollok tagħmel id-DNA biex issir taf min ikun missierha għax ikunu ħafna li jsostnu dan.

“Sadanittant il-lokalità ta’ Santa Luċija għadha mingħajr is-servizz ta’ latrina pubblika. Tista’ jekk ma jimpurtax tingħata spjegazzjoni dwar dan kollu? Naħseb li ċ-ċittadini tal-lokalità għandhom dritt ikunu jafu.” Nista’ nassigura mhux biss lill-qarrej partikolari wara dan l-ilment imma lill-qarrejja kollha, li lili bħala l-persuna responsabbli minn din il-paġna, mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, mis-Sindku ‘l isfel u mis-Segretarjat Amministrattiv tiegħu ma kellimni ħadd. Qisu ma nkiteb xejn! Ebda forma ta’ ċaħda/kjarifika.

Totalment XEJN.

Ma naħsibx li dan huwa sewwa u xieraq. Mhux li ma kellmux lili, imma li komunità sħiħa tkun injorata. Mhux qed nitrattaw ilment li ilu għaddej mhux numru ta’ ġranet imma xhur twal. Xi raġuni hemm biex dan ix-xogħol, li ċertament mhux il-bini tal-Ħajt taċ-Ċina, għadu sal-lum mhux lest.

Huwa dmir u fl-obbligu tas-Sindku, tal-Kunsill Lokali, li tingħata spjegazzjoni denja.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here