Malta fetħet l-impenji tagħha fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni tat-tieni diviżjoni tal-EuroHockey 2026 hekk kif kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2 kontra l-Greċja.
Wara li l-ewwel quarter spiċċa mingħajr gowls, il-Griegi kisbu vantaġġ doppju fit-tielet kwart grazzi għal żewġ gowls ta’ Paris Welzel, li deher li poġġa lit-tim tiegħu f’pożizzjoni komda.
Madankollu, il-Maltin ma qatgħux qalbhom u wara li naqqsu d-distakk permezz ta’ penalty corner skorjat minn Thomas Degiovanni, fl-aħħar quarter l-istess Degiovanni reġa’ sab ix-xibka minn penalty corner ieħor biex ġab l-iskor indaqs 2-2.
Meta kien għad fadal biss tliet minuti mit-tmiem, Deemer Rapinett mexxa attakk veloċi u sab lil Joe Ellul-Turner, li b’hit tajba skorja l-gowl tar-rebħa u ta tliet punti prezzjużi lil Malta.
Kienet wirja ta’ determinazzjoni u karattru mit-tim Malti, li baqa’ jemmen sal-aħħar sekonda u ġie ppremjat b’rebħa memorabbli.
Issa l-Maltin ikunu fl-azzjoni llum fit-tieni konfront tagħhom f’Ħelsinki hekk kif fl-4.30pm jiltaqgħu kontra l-Finlandja.
Malta: Marvin Grixti, Shawn Dimech, Xandru Mifsud Bonnici Weiss, Thomas Degiovanni (C), Nicolai Runza, Redeemer Rapinett, Christ Agius, Keith Calleja, Joseph Ellul-Turner, Alexander Kirton, Luca Fsadni.
Sostituti: Karl Chircop, Charlo Sammut, Nathan Pace Gasan, Neil Spiteri, Lukas Brincat, Kieran Borg, Aaron Spiteri.
Greċja: Nikola Gkogkos, Georgios Fouflias, Dimitrios Zografos, Elias Diringer, Matteo Panagis, Nikolas Dierckx (C), Luc Zafiris, Cedwyn Hochhauser, Llewellyn Hochhauser, Konstantin von der Mülbe, Paris Welzel.
Sostituti: Constantin Koniaris, Alexander Koniaris, Spyridon Koulouvardis, Nikos Patsoulas, Petros Elmensaoui, Stavros Sideridis, Georgios Koulouridis.









