Thursday, December 26, 2024

Jinżamm arrestat wara li daħal jisraq minn ħanut f’Tal-Pietà

Aqra wkoll

Frankie Bugeja ta’ 39 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo mixli li t-Tnejn li għadda daħal mgħammad f’ħanut tal-merċa fi Gwardamangia Tal-Pietà u ħarab b’ammont ta’ flus u oġġetti.

Il-prosekuzzjoni xehdet kif Bugeja dakinhar żamm tliet persuni kontra r-rieda tagħhom u li kellu fuqu arma, u li aktar kmieni fiċ-Ċentru tad-Detox fi Gwardamanġa hedded mara. Bugeja kien akkużat ukoll, li bir-reati li wettaq kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, kiser il-provedimenti ta’ sentenza sospiża u li rrenda ruħu reċidiv.

Persuna li nzertat fuq il-post irrakkontat kif Bugeja daħal liebes borża taż-żibel f’rasu u ħareġ mill-ħanut bil-bott tad-donazzjonijiet. Huwa kien arrestat fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fil-Belt Valletta.

Bugeja, li fil-Qorti qal li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati għall-akkużi. F’dan l-istadju, l-avukat tal-għajnuna legali Yanika Bugeja m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Bugeja u dan inżamm arrestat.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia.

Ekonomija

Sport