Monday, December 23, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar, pussess aggravat ta’ droga u ħasil ta’ flus

Aqra wkoll

Gennaro Russo ta’ 29 sena minn Napli u residenti San Pawl il-Baħar baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli fost oħrajn bi traffikar u pussess aggravat ta’ droga, kif ukoll b’ħasil ta’ flus.

Huwa tressaq il-Qorti llum wara nofsinhar quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Intqal kif nhar l-Erbgħa, il-Pulizija ċċirkondaw lir-raġel f’San Pawl il-Baħar. Fi tfittxija li saret f’residenza u f’garaxx fl-istess lokalità u aktar tard f’garaxx fl-Imsida, il-Pulizija sabet madwar kilo u nofs kokaina u madwar 15-il kilo kannabis, b’valur fit-triq li jaqbeż l-€450,000. Instabu ukoll €250,000 fi flus kontanti.

Intqal ukoll li llum ġiet arrestata t-tfajla tiegħu filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin tant li mhux qed jiġi eskluż li jiġu arrestati persuni oħrajn.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-ispetturi Mark Anthony Mercieca u Justine Grech, talbet biex jiġu ffriżati l-assi tal-imputat bil-Qorti tilqa’ din it-talba. Fl-istess waqt il-Maġistrat ordnat li jiġu ssekwestrati l-flejjes u l-proprjetà ta’ Russo f’idejn terzi.

Id-difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat dan sew minħabba l-gravità tal-każ kif ukoll minħabba li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom ma spiċċawx. Il-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Ekonomija

Sport