Monday, November 4, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli bi traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Massimo Grixti ta’ 33 sena mill-Belt Valletta nżamm arrestat wara li ġie mixli b’akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga. 

Huwa kien arrestat is-Sibt filgħodu wara li l-Pulizija nnutaw movimenti suspettużi tiegħu fi Triq il-Ħġejjeġ, San Pawl il-Baħar, u ftit wara allegatament deher jgħaddi xi pakketti lil persuna oħra fi Triq Ġulju.

Kien hawn li r-raġel induna bil-preżenza tal-pulizija u ħarab jiġri minn fuq il-post, bil-pulizija tiġri warajh f’diversi toroq sakemm twaqqaf u ġie arrestat fi Triq iċ-Ċern.

Minn tfittxija li saret fuqu, instab fil-pussess ta’ 51 qartas b’sustanza bajda suspettata kokaina u 33 qartas b’sustanza kannella suspettata eroina. 

Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech il-Ħadd filgħodu mixli li kien fil-pussess tad-droga li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, li m’obdiex l-ordnijiet tal-putlizija, irreżista l-arrest filwaqt li hedded uffiċjal tal-pulizija u weġġgħu.

Grixti wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda nżamm arrestat wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ryan Vella. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Grixti. 

Sport